Tħabbret skema ta’ investiment FI proġetti ħodor fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin – skema ta’ €10 miljun, permezz tal-Community Greening Grant.
L-għan ta’ dan l-akbar fond immirat lejn il-kunsilli lokali, l-iskejjel, iċ-ċentri soċjali, u l-għaqdiet volontarji huwa li jinħolqu spazji ħodor ġodda u li ssir riġenerazzjoni ta’ żoni oħra li diġà jeżistu sabiex dawn jitgawdew min-nies.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Project Green, Steve Ellul, li qal li l-applikanti għandhom iressqu l-ideat tagħhom, fosthom l-attivitajiet li għandhom il-ħsieb li jwettqu għall-komunitajiet f’dawn il-ġonna.
Apparti minn hekk, l-applikanti jridu jagħtu l-pjan tagħhom dwar kif se jżommu dawn il-proġetti fl-aħjar stat possibbli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green qal li l-aġenzija għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni mal-kunsilli lokali u se jitkellmu wkoll mal-isħab soċjali dwar din l-iskema. Dan il-fond se jkun qiegħed jiffinanzja sa 90 fil-mija ta’ dawn il-proġetti ambjentali.
“Irridu li dawn il-ġonna, imbagħad, ikunu mantnuti tajbin ħafna. Infatti, qegħdin nitolbu li ma’ kull applikazzjoni jidħol ukoll pjan ta’ manteniment għal għaxar snin sħaħ. Irridu naraw illi ma nonfqux il-flus u mbagħad inħallu l-proġett għal rieħu, imma bil-maqlub. Se nkunu qed ninvestu l-flus fil-proġett u anki fil-manutenzjoni tiegħu.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li l-aġenzija Project Green fetħet din l-iskema għal kulħadd għax din hija skema li se tinvolvi l-ideat tan-nies, li se jsiru realtà.
Il-Ministru Dalli qalet li kull min għandu ideat għandu jersaq ’il quddiem sabiex insebbħu l-lokalitajiet ta’ pajjiżna.
Qalet ukoll li spazji mitluqa jistgħu jissebbħu u jitħaddru, u jistgħu jsiru ġonna żgħar li jitgawdew mill-komunitajiet.
“Huwa l-ikbar fond li qatt kellu pajjiżna s’issa, f’daqqa waħda, flimkien, għall-komunitajiet tagħna. Għalhekk, nappellaw lill-kunsilli lokali, lir-reġjuni, lill-għaqdiet mhux governattivi, lill-iskejjel, lil dawk li għandhom proġetti li jistgħu jitwettqu fil-lokalitajiet tagħna, u nkunu qed insebbħu l-lokalitajiet.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-programmi operattivi li ġejjin minn fondi Ewropej, li tnedew nhar it-Tnejn li għadda, se jibdew jiġu implimentati.
Bonett qal li dawn il-fondi, li ġejjin minn dawk nazzjonali u minn fondi Ewropej, se jwasslu għal aktar spazji pubbliċi madwar pajjiżna.
“Għandek il-fondi li se jiġu available wara li ħabbarnihom nhar it-Tnejn, u issa se jkollok l-aġenziji tal-Gvern illi se jkunu qegħdin iħeġġu lill-NGOs, lill-kunsilli lokali, biex japplikaw għall-fondi, li mbagħad jiġu wkoll fondi Ewropej ħalli nibdew inwettqu dawn il-proġetti sbieħ ta’ spazji pubbliċi.”
Dawn il-proġetti jridu jitwettqu sa Settembru tal-2025.