Skema ta’ għajnuna b’investiment ta’ żewġ miljun ewro ser toffri s-sostenn neċessarju biex attivitajiet kulturali u artistiċi jkunu finanzjarjament vijabbli biex isiru bir-regolamenti imposti kontra t-tifrix tal-Coronavirus.
Dan b’għajnuna diretta lil organizzaturi u l-artisti f’pajjiżna li sfaw milquta mill-pandemija li laqtet lid-dinja.
L-iskema ser tkun ibbażata fuq il-kriterji li jitqabbel l-ammont ta’ biljetti mibjugħa b’wieħed għal wieħed u b’capping ta’ €15 għal kull biljett li tingħata għal kull biljett mibjugħ. Ser tingħata 1,500 ewro għal kull grupp sa massimu ta’ żewġ gruppi għal kull attività.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega kif ser tkun imnedija skema oħra li tgħin fil-loġistika għal dawk l-attivitajiet li ser isiru bejn id-19 ta’ Lulju u l-31 t’Awissu skond ir-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Stqarr kif huwa importanti li l-ftuħ mill-ġdid ta’ dan is-settur mhux biss ikun wieħed gradwali iżda jkun wieħed sostenibbli.
“Qegħdin naraw kif inżommu bilanċ bejn illi jibdew isiru l-attivitajiet u fl-istess mod inżommu mal-protokolli tas-saħħa pubblika. Irridu naraw li dan is-settur bħal ma telaq ukoll is-settur turistiku u diversi setturi oħrajn, jitlaq b’mod gradwali, b’mod sigur u b’mod responsabbli, iżda fuq kollox irid ikun b’mod sostenibbli.”
Il-Ministru José Herrera spjega kif dan l-investiment huwa wieħed sostanzjali meta tqis li żewġ miljun ewro ser ikunu qed jingħataw f’temp ta’ ftit ġimgħat. Stqarr kif il-programm RESTART li ser ikun qed iħaddem din l-iskema qed ikun kruċjali fl-irpiljar ta’ dan is-settur wara l-pandemija.
“Issa bdejna niftħu bil-mod iżda naturalment minħabba r-restrizzjonijiet li hemm, ċertu events ma jkunux vijabbli jekk ma jkollokx massa ta’ nies, allura aħna qed noħorġu din l-iskema, kif spjegajna, jiġifieri għal kull biljett li jbiegħu aħna intuhom wieħed b’xejn, intuhom flus għal kull bubble li jkun hemm, ħa ntuhom sites loġistiċi mħallsin mill-Gvern biex huma jkunu jistgħu joperaw b’xejn minn hemmhekk biex il-‘business’ tagħhom jiġi vijabbli.”