Tnediet skema b’investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro biex kumpaniji u negozji privati lokali jkunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom minn xi attakk ċibernetiku onlajn.
Din l-iskema, bl-isem ta’ CyberAssess, qed titħaddem mill-MITA, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kordinazzjoni tas-Sigurtà Ċibernatika u l-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li, minn din l-iskema, se jgawdu 30 kumpanija fuq bażi ta’ min japplika l-ewwel, bl-applikazzjonijiet miftuħa bħalissa u se jagħlqu f’Lulju li ġej.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-MITA, l-Inġinier Emanuel Darmanin, li spjega magħna l-importanza ta’ din l-iskema għal dawn in-negozji.
Qal, “Qed nagħtu l-opportunità biex kumpaniji u negozji privati jkunu jistgħu japplikaw ħalli jkunu jistgħu jaraw is-sitwazzjoni tagħhom tas-sistemi diġitali u anke l-infrastruttura kemm hi lesta from a cybersecurity point of view. Jistgħu jagħżlu wieħed minn ħames servizzi u skont is-servizz ir-riżultat li joħroġ minnu mbagħad ikunu jistgħu jirranġaw is-sistemi tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri tenna kif din l-iskema tikkumplimenta inizjattivi oħrajn li nieda dan il-Gvern biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura diġitali f’pajjiżna.
Stqarr, “Bħala Gvern, kif ukoll bi sħab ma’ diversi entitajiet, qed naraw kif ta’ kultant żmien noħorġu skemi ta’ assistenza biex qabel xejn ninformaw ir-riskji lin-negozji li jkunu qed joperaw onlajn. Però aktar importanti kif dawn jista’ jkollhom l-equipment neċessarju u l-iskills neċessarji biex jipproteġu lilhom nfushom bħala cyber security.”