Bħala parti mill-ħidma favur ir-riforma tal-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni li għaddejja hekk kif imwiegħed mill-gvern, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li fil-jiem li ġejjin ser jidħlu fis-seħħ proċeduri li huma mmirati li jkomplu jikkonsolidaw regolamenti aktar ċari relatati ma’ din l-industrija.
Il-Building and Construction Agency ilha matul dawn l-aħħar xhur taħdem sabiex tirrevedi l-leġiżlazzjoni li tirregola l-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni. L-objettiv finali huwa li l-liġijiet mhux biss jiġu aġġornati biex jirriflettu ż-żminijiet tal-lum, imma jkunu konsolidati, b’kollaborazzoni ma’ entitajiet oħra skont il-bżonn, kif ukoll b’konsultazzjoni sħiħa mad-diversi stakeholders.
Il-Ministru ħabbar, “Illum nagħrfu li l-professjoni tal-perit trasformat ruħha u m’għadhiex dik ta’ dari, fejn il-perit bilfors isegwi l-proġett mill-bidu sa l-aħħar f’kull aspett. Nafu li fil-prattika, speċjalment f’proġetti ta’ ċertu skala, għandek sitwazzjonijiet fejn ikollok aktar minn perit wieħed involut fuq l-istess sit. U għalhekk irridu naħdmu sabiex il-liġijiet u l-proċeduri jirriflettu l-kultura ta’ kif taħdem l-industrija fil-ġurnata tal-lum. Ma stajniex inħallu l-affarijet kif inhuma u peress li dan huwa gvern li jirriforma u joffri soluzzjonijiet, fil-jiem li ġejjin ser tiġi attivata riforma li tagħti aktar ċertezza filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-liġi u l-proċeduri.”
B’dawn il-proċeduri l-ġodda fost l-oħrajn ser ikun qed jigi amalgamat formolarju b’informazzjoni komuni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni biex b’hekk jitnaqqas l-ammont ta’ formoli li kienu jiġu sottomessi lill-awtoritajiet differenti kif ukoll tiżdied l-effiċjenza kemm fis-sottomissjonijiet u fl-ipproċessar tagħhom.
“Filwaqt li matul is-sajf għaddejna riforma importanti, il-ħidma tagħna ma waqfitx u komplejna naħdmu u tajna diversi proposti lill-periti biex jiġu kkunsidrati. Irridu li f’kull ħin, wieħed ikun jaf x’responsabbilità għandu fuq sit ta’ kostruzzjoni jew bini jew demolizzjoni. Jidher li fil-prinċipju, anke l-periti qed jaqblu mal-proposta tal-gvern,” ħabbar il-Ministru Borg.
“Hekk biss nistgħu naslu biex ir-rwoli jkunu definiti u ċari għas-serħan tal-moħħ ta’ kull min hu involut, speċjalment tal-pubbliku inġenerali. Dan se jwassal ukoll li nagħtu regoli aktar ċari lill-istakeholders sabiex ikollna verament industrija ta’ kwalità,” għalaq il-Ministru Borg.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius tenna, “Wara li ġew introdotti l-liġijiet ġodda f’Lulju li għadda fejn dawn għenu sabiex il-perit responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-proġett ikun identifikat u jista’ jiddelega ir-responsabbilitajiet diversi bħal method statements fejn jidħlu xogħlijiet ta’ demolizzjoni, skavar jew bini, il-formolarju ġdid li ġie mħejji se jkun qed jagħti informazzjoni b’mod ċar fuq x’inhi r-responsabbilità tal-perit. Il-ħidma tagħna fir-rigward ta’ aktar responsabilità, sigurtà u trasparenza ser tkompli għaddejja sabiex l-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni tkun waħda sostenibbli.”