Skejjel, kunsilli reġjonali, għaqdiet mhux governattivi, kumpaniji u individwi kienu fost ir-rebbieħa tal-11-il edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards, imtella’ mill-aġenzija tal-Gvern, il-WasteServ.
Għall-ewwel darba, tliet skejjel ġew rikonoxxuti għall-azzjonijiet tagħhom. Dawn huma l-Kulleġġ Missjunarju San Pawl, li ġie fl-ewwel post, segwit mill-Iskola St Francis tar-Rabat, Għawdex, u l-Iskola Immakulata Kunċizzjoni tal-Kulleġġ St Jeanne Antide, li ħadu t-tielet post. Dawn l-iskejjel ingħataw total ta’ €6,000 bejniethom biex jinvestuhom fuq proġetti u inizjattivi ambjentali ġodda.
Dan l-avveniment, bħala part mill-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart, jirrikonoxxi l-impenn ta’ dawk li jwettqu inizjattivi favur it-tnaqqis tal-iskart.
Il-premjijiet ta’ din is-sena kienu ffokati fuq l-iskart li jintuża għall-ippakkjar ta’ prodotti u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent. Il-parteċipanti ġew mistiedna jesprimu azzjonijiet li jistgħu jittieħdu biex inaqqsu jew jerġgħu jużaw u jirriċiklaw l-iskart.
Ġurija t’esperti evalwat s-sottomissjonijiet u għażlet ir-rebbieħa, li ngħataw total ta’ €22,000 fi premjijiet biex isaħħu aktar l-isforzi u l-inizjattivi tagħhom.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, irringrazzjat lill-parteċipanti u enfasizzat l-importanza ta’ aktar kuxjenza favur l-ambjent u aktar prattiċi sostenibbli tal-iskart.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, feraħ lill-parteċipanti kollha u nnota kif dan l-avveniment iħeġġeġ stakeholders differenti biex jinvolvu rwieħhom fil-prevenzjoni u s-separazzjoni tal-iskart.
Minbarra hekk, waqt din iċ-ċerimonja ingħata wkoll rikonoxximent lill-Kunsilli Reġjonali għall-isforzi tagħhom fil-lokalitajiet rispettivi li jirrappreżentaw favur l-immaniġġjar tal-iskart bi premjijiet mogħtija lill-aqwa tliet reġjuni, li kienu l-Kunsill Reġjonali Port, l-Kunsill Reġjonali Għawdex u l-Kunsill Reġjonali Punent.
Il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart hi l-akbar kampanja fl-Ewropa mmirata biex tippromwovi l-prevenzjoni tal-iskart u din is-sena se ssir bejn is-16 u l-24 ta’ Novembru, b’enfasi fuq l-iskart tal-ikel.