Matul serata ta’ għoti ta’ premji f’Forti Sant’ Anġlu l-Birgu, tħabbru r-rebbieħa tal-Premju għall-Arti organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti. Din kienet il-ħames edizzjoni tal-Premju għall-Arti, u ttellgħet wara sentejn ta’ serati virtwali minħabba l-pandemija.
Għal din is-sena, il-Kunsill Malti għall-Arti rċieva aktar minn 300 sottomissjoni, li 100 minnhom għamluha għall-istadju ta’ nominazzjoni. Għal kull kategorija kien hemm tliet nominazzjonijiet li spiċċaw fil-finali, li r-rebbieħ tagħhom tħabbar matul din is-serata.
Din l-edizzjoni tal-Premju għall-Arti kellha 14-il premju, li 10 minnhom kienu kompetittivi u 3 kienu unuri, bi premju speċjali jingħata għad-diskrezzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti għal kontribut straordinarju lejn l-arti u l-kultura matul is-sena, premju li ngħata għall-ewwel darba waqt din l-edizzjoni tal-Premju għall-Arti.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li “Ta’ kull sena, il-Premju għall-Arti jkompli jikber, wara li konna wellidna dan il-premju ħames snin ilu. Issa li qegħdin fil-ħames sena tiegħu, ninsab ħerqan biex inkompli nara l-frott ta’ dan il-proġett ikompli jimxi id f’id mal-bqija tas-settur.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall stqarr li “bħala Kunsill, għandna l-għan u l-mira li naħdmu sabiex inkomplu nsaħħu l-pjattaforma tal-artist, tal-prattikanti kulturali, u tas-setturi kulturali u kreattivi, u l-Premju għall-Arti huwa ħolqa essenzjali mill-kullana ta’ inizjattivi, proġetti u opportunitajiet tal-Kunsill biex inkomplu nagħmlu dan, hekk kif inkomplu nippremjaw il-bosta forom ta’ arti u ġeneri diversi li hawn, b’mod ukoll, li nibnu mal-isforz komunitarju kontinwu tal-Kunsill permezz ta’ din l-inizjattiva.”
Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija huma:
L-aqwa xogħol għat-tfal u żgħażagħ
The Secret Garden tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u Lignin Stories
Artist żagħżugħ jew żagħżugħa tas-sena
Anna Calleja, bil-proġett Homebound
L-aqwa xogħol fil-komunità
L-Imbuljuta: A Panto in the Dark
Kitba u direzzjoni ta’ Vikesh Godhwani u Marta Vella, Produzzjoni ta’ Spazju Kreattiv b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta u Esplora
Unur għall-wirt artistiku
Karnival ta’ Malta, ta’ Festivals Malta
Premju għat-tisħiħ artistiku nazzjonali
Mużika Mużika ta’ Festivals Malta
Premju għall-innovazzjoni
Zoom ta’ Tyrone Grima, Joseph Galea u Keith Chetcuti
L-aqwa kisbiet internazzjonali
The Nobodies bil-produzzjoni ta’ Chalk Line Theatre, b’kitba ta’ Amy Guyler
L-aqwa intrapriża kreattiva
Stephanie Borg
L-aqwa programm jew staġun artistiku
Spazju Kreattiv – Settembru 2020 – Awwissu 2021 Fondazzjoni Kreattività
Unur għall-promoturi kulturali
Mark Weingard
L-artist tas-sena
Brodu bl-albums Blu u Bambinella
Għażla tal-pubbliku
Ħax-Xjuħ ta’ Teatru Malta, direzzjoni ta’ Josette Ciappara u kitba ta’ Tony Cassar Darien
L-aqwa produzzjoni tas-sena
They Blew Her Up Koproduzzjoni ta’ Herman Grech u Spazju Kreattiv, Direzzjoni u kitba ta’ Herman Grech
Unur għall-karriera artistika
Tanya Bayona