Il-kamra tan-nar 25 ta’ Novembru tal-Għaqda tan-Nar Santa Katerina taż-Żejtun, rebħet il-Festival Internazzjonali tan-Nar ta’ din is-sena. Fit-tieni post ikklassifikaw il-Vallcalluzzo Events Italja, fit-tielet post ġew il-Platinum Fireworks mill-Filippini u fir-raba’ post, il-Pyrocom mill-Estonja.
Din hi t-tmintax-il edizzjoni tal-festival internazzjonali tan-nar li huwa organizzat mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-Ministeru għat-Turiżmu. Kien spettaklu mill-isbaħ li ttella’ fil-Port il-Kbir fejn kien sinkronizzat mal-mużika. Din is-sena l-ispettakli ttellgħu fuq erbat ijiem b’eluf ta’ Maltin u turisti nġabru f’żoni qrib il-port fejn issaħħru bit-talent u s-sbuħija li offra dan l-ispettaklu.
Il-festival internazzjonali tan-nar mistenni jintemm uffiċjalment is-Sibt, l-4 ta’ Mejju f’serata tal-logħob tan-nar organizzata b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Floriana.