Wara li fl-aħħar xhur, il-Gvern diġà ħabbar proġetti kbar ta’ afforestazzjoni f’siti ġodda f’Bengħisa u f’Ta’ Qali, fil-baġit għall-2020, il-Ministru Edward Scicluna ħabbar proġetti simili ambjentali f’Kemmuna, fil-Buskett, fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar u fil-Pak tas-Salina.
Il-Ministru ħabbar ukoll li bdew it-tħejjijiet biex tissaqqaf parti minn Triq Reġjonali biex il-lokalità ta’ Santa Venera ma tibqax maqsuma f’żewġ partijiet, u biex din iż-żona b’konċentrazzjoni urbana jkollha wkoll pulmun ta’ arja u spazju rikreattiv fejn ir-residenti jistgħu jistrieħu mingħajr periklu u tniġġis.