Ġew imħabbra t-tmien proġetti li ġew iffinanzjati mill-iskema Edukazzjoni tal-Arti, li ġiet introdotta għall-ewwel darba fil-bidu ta’ din is-sena. Fl-istess waqt tnediet it-tieni sejħa tal-iskema.
Dawn il-proġetti, li se jitwettqu fit-tmintax-il xahar li ġejjin, ivarjaw minn żfin kontemporanju għal żfin klassiku; beatboxing; mużika elettronika u teatru, fost oħrajn.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-Ministru għall-Arti, Josè Herrera ħabbar il-proġetti finali, tenna wkoll li matul ix-xahar li għadda, permezz ta’ numru ta’ entitajiet fi ħdan il-Ministeru, ġew appoġġjati bosta inizjattivi biex jiżguraw li s-settur jibqa’ reżiljenti.
Qal, “Din kienet skema li ħareġet minn programm ta’ inizjattivi li qed insejħulhom restart, fejn għall-ewwel darba l-Kunsill Malti għall-Arti se jkun nefaq kważi erba’ miljun ewro, l-ikbar ammont li qatt infaqna ta’ dan it-tip.”
Id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi spjegat kif il-Kunsill Malti għall-Arti rċieva tlettax-il applikazzjoni.
It-tieni sejħa tal-iskema, li għandha l-għan li tinvesti fl-edukazzjoni fl-arti u tkattar il-kollaborazzjonijiet transdixxiplinari, hija miftuħa sal-14 ta’ Settembru.
Għal aktar dettalji dwar l-Iskemi RESTART 2021, wieħed jista’ jżur is-sit tal-Kunsill tal-Arti.