Spazju Kreattiv ħabbar it-tnedija ta’ Art Additives; serje ta’ taħditiet, workshops, laqgħat u avvenimenti satelittarji żviluppati abbażi tal-programm tal-arti viżiva kontemporanja ta’ Spazju Kreattiv.
Art Additives se tkun qiegħda tikkontribwixxi għall-esperjenza tal-arti kontemporanja ta’ Spazju Kreattiv billi toħloq id-diskussjoni u d-dibattitu, tagħmilha faċli għal iżjed udjenzi sabiex jersqu lejn dan l-ispazju, u billi tinkoraġġixxi djalogu bejn l-artisti u dawk interessati fl-arti.L-attivitajiet kollha huma b’xejn u miftuħin għal varjetà ta’ udjenzi – minn artisti għal studenti b’livell ta’ edukazzjoni postsekondarja, tfal u familji, u dawk b’interess fix-xena artistika viżiva. Dawn l-avvenimenti se jkunu qed iseħħu ġewwa Spazju Kreattiv u ġewwa binjiet oħra ta’ kollaboraturi oħrajn f’naħat differenti madwar Malta u Għawdex. L-avvenimenti se jinkludu bosta kelliema, b’uħud minnhom kuraturi, prattikanti, artisti u saħansitra edukaturi.
L-ewwel avvenimenti ta’ Art Additives jinkludu l-attività Iltaqa’ mal-Artist (Meet the Artist) u workshop ma’ Mario Abela, diskussjoni mal-artist żagħżugħ Matthew Schembri u laqgħa ġewwa The Mill, f’Birkirkara, mat-tim tal-proġett Azure Watch.
L-avvenimenti kollha li se jkunu qegħdin isiru bħala parti minn Art Additives se jkunu mniżżla u aġġornati hawnhekk, fuq is-sit ta’ Spazju Kreattiv: http://www.kreattivita.org/event/art-additives/