Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qiegħed jintroduċi abbozz ta’ liġi ġdid dwar il-koabitazzjoni.
Żvela dan il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis f’laqgħa mal-Kunsill Nutarili ta’ Malta. Sostna li din il-liġi se tieħu post dik preżenti u qal li hemm talba biex din il-liġi tgħaddi malajr.
Huwa rringrazzja wkoll lin-nutara li ta’ kuljum jatwaw il-liġi tal-identità tal-ġeneru li ddaħħlet 3 snin ilu u sostna li din fil-prattika qiegħda taħdem kif suppost.
Huwa faħħar ukoll l-impenn tal-kunsill għall-miżuri li ħadet sabiex tiġġieled il-ħasil ta’ flus kif ukoll sabiex taġġorna l-professjoni għaż-żminijiet tal-lum.
Semma li fl-aħħar jiem il-Gvern ippubblika avviż legali biex jibda jimplimenta l-ħames direttiva Ewropea kontra l-ħasil ta’ flus.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Kunsill Dr Clinton Bellizzi qal li preżentament il-Kunsill qiegħed jinvesti f’taħriġ sabiex in-nutura jkunu konxji ta’ każijiet ta’ ħasil ta’ flus u tal-protokolli f’dawn il-każi.
Qal li l-Kunsill notarili jaħdem id f’id mal-Gvern u qal li fil-każ tal-liġi l-ġdida tal-koabitazzjoni l-Kunsill għamel sena jiddiskuti u jiddibatti l-aqwa abbozz possibbli. Dan sabiex ikun hemm liġi li tissodisfa l-kriterji tal-professjonisti, minn jirrikorri għall-liġi kif ukoll is-soċjetà.
Mal-Ministru l-President tal-Kunsill semma wkoll li nbeda proġett sabiex il-Kunsill jagħmel ristrutturar tal-professjoni tan-nutara.