Ian Felice Pace ta’ Starlites huwa l-BOV Plejer tas-Sena tal-Basketball għall-istaġun 2023/2024. Huwa kiseb ukoll l-unur fil-kategorija U23, filwaqt li Kristy Galea ta’ Depiro hija l-BOV Plejer tas-Sena tan-Nisa għall-istess staġun. Ir-rebbieħa kollha tal-BOV Basketball Plejers tas-Sena għall-istaġun 2023/2024 tħabbru waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-60 Anniversarju tal-Malta Basketball Association (MBA) organizzata mill-MBA u l-Bank of Valletta.
Waqt l-intervent tiegħu, il-President tal-MBA Paul Sultana tkellem dwar il-kisbiet tal-Basketball Malti matul is-snin, fosthom l-ewwel midalja internazzjonali ta’ Malta fil-Logħob għall-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa li saru f’San Marino fl-1985, l-ewwel Midalja tad-Deheb internazzjonali mit-Tim Nazzjonali Femminili fl-1985 fil-Kampjonat Ewropew FIBA Diviżjoni Ċ fl-2008 u l-ewwel unuri tal- Plejers tas-Sena ppreżentati fl-1972.
“L-Assoċjazzjoni ħadmet bis-sħiħ biex ittejjeb il-faċilitajiet tagħha mill-1972, meta l-Padiljun tal-Basketball kien mikri mill-gvern. Il-hanger l-antik tal-ajruplani inbidel f’padiljun modern tal-Basketball, u nbnew ukoll il-courts tat-taħriġ ta’ maġenbhom,” kompla s-Sur Sultana. “Tabilħaqq ninsabu kburin ħafna naraw l-akbar numru ta’ timijiet li qed jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tagħna għal ħafna snin u l-interess li qed jiżdied f’dan l-isport b’attendenza sabiħa waqt il-logħob li toħloq atmosfera sabiħa għall-Familja tal-Basketball.”
Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank, enfasizza s-sħubija fit-tul bejn il-BOV u l-Assoċjazzjoni tal-Basketball ta’ Malta. “Is-sħubija tal-Bank mal-Assoċjazzjoni tal-Basketball ta’ Malta hija l-itwal relazzjoni ta’ appoġġ tal-BOV, u tmur lura għas-snin tmenin. Dan juri l-impenn fit-tul tal-BOV biex irawwem komunità aktar b’saħħitha permezz tal-isports,” huwa qal. “Aħna kburin li qegħdin hawn niċċelebraw atleti li wrew eċċellenza fl-oqsma tagħhom f’dan l-anniversarju importanti għaż-żewġ organizzazzjonijiet tagħna.”
Waqt l-attività li għaliha attendew is-Segretarju Ġenerali Dinji tal-FIBA Andreas Zagklis u Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-MBA onorat 8 individwi b’rikonoxximent għall-kontribut eċċezzjonali tagħhom għall-Basketball Malti. Dawn kienu Andrea Paccarie, Angela Adamoli, Anna Calleja, Dorianne Galea, Edgar Caruana Montaldo, Josephine Diaby Grima, Michael Naudi u Santino Coppa.
Is-serata laħqet il-qofol tagħha fil-preżentazzjoni tal-BOV Plejers tas-Sena tal-Basketball għall-istaġun 2023/2024 kif ġej:
BOV l-Ewwel Diviżjoni Rġiel
Ian Felice Pace (Starlites)
MSV l-Ewwel Diviżjoni Nisa
Kristy Galea (Depiro)
BOV Kampjonat Amateur
Neil Cassar (Mosta)
St James U23 Irġiel
Ian Felice Pace (Starlites)
St James U23 Nisa
Michela Zammit Cordina (Starlites)
U19 Irġiel
Isaac Azzopardi (Luxol)
U19 Nisa
Anna Fenech Pace (Luxol)
U16 Subien
Mark Iloube (Luxol)
U16 Bniet
Shanice Farrugia (Luxol)
U14 Subien
Zac Said Hollier (Starlites)
U14 Bniet
Claire Portelli (Depiro)