Il-B2B Expo Malta, organizzata mill-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar, se jkollha parteċipazzjoni mill-kelliema internazzjonali Sir Clive Woodward, il-Coach Prinċipali li mexxa t-team tar-rugby tal-Ingilterra biex jirbaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2003; Sahar Hashemi, OBE u intraprenditura li waqqfet żewġ kumpaniji—Coffee Republic u Skinny Candy; u Chris Moss, fundatur tal-Orange Brand, kreatur ta ‘Magic Moments’ ta’ Virgin Atlantic u Eks-Eżekuttiv Prinċipali ta’ 118 118.
Il-kelliema ġew imħabbra llum mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona f’konferenza stampa fejn ġie żvelat il-programm komplut tal-B2B Expo. Il-konferenza se tinkludi wkoll sessjonijiet ta’ masterclasses miżmuma minn esperti u professjonisti fil-qasam dwar sfidi u opportunitajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom in-negozji moderni. Is-suġġetti jinkludu il-fundamentali għal trasformazzjoni diġitali, l-importanza tad-data fin-negozji, introduzzjoni fuq każijiet ta’ użu kummerċjali fuq blockchain, u l-użu ta’ LinkedIn minn Jason Miller—Content and Social Marketing Leaderminn Linkedin.
Il-ministeru, fl-impenn tiegħu li jkompli jibni ambjent ekonomiku kompetittiv u joħloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs, identifika n-nuqqas tat-tali opportunità li tiġbor l-industriji kollha fis-suq lokali u għalhekk qed jimla dan l-ispazju neċessarju, hekk kif l-ekonomija dejjem tikber. Il-konferenza se tlaqqa’ sidien ta’ negozji lokali, imprendituri u start-ups ġodda f’ambjent ta’ networking u ta’ tagħlim għal dawk li qed ifittxu soluzzjonijiet biex jibnu n-negozji tagħhom.
“Ngħarfu li pajjiżna għandu suq mimli b’ħaddiema u intraprendituri b’ħafna talent, u nħarsu ‘l quddiem sabiex dakinhar niġbruhom kollha taħt saqaf wieħed. Nisperaw li l-konferenza tista’ twassalhom sabiex ikollhom rabtiet kummerċjali ġodda, u li tgħinhom jistabbilixxu l-pass li jmiss fl-istrateġija kummerċjali u investiment ġdid għall-pajjiż”, qal il-Ministru Cardona.
Il-B2B Expo se ssir fl-1 ta’ Ġunju u d-dħul huwa mingħajr ħlas. Il-linja kompluta u r-reġistrazzjoni huma disponibbli fuq www.b2bexpomalta.com.