Il-kabinett tal-Ministri approva n-nomina għall-ħatra tal-avukat Dr Toni Abela bħala Imħallef fil-Qrati Superjuri u l-avukat Dr Grazio Mercieca bħala Maġistrat fil-Qrati Inferjuri.
Il-Gvern spjega li dawn huma l-ewwel żewġ avukati fl-istorja li se jingħaqdu fil-ġudikatura wara li għaddew b’suċċess mill-iskrutinju tal-Kumitat dwar Hatriet fil-Ġudikatura magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-President tal-Kamra tal-Avukati.
Dan il-Kumitat, li beda jopera wara riformi kostituzzjonali li mexxa ‘l quddiem dan il-Gvern aktar kmieni din is-sena, ta parir unanimu li ż-żewġ avukati jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibilita u mertu biex jingħaqdu fil-ġudikatura.
Fl-eliġibilitá ġie kkonfermat li ż-żewġ avukati għandhom in-numru ta’ snin ta’ prattika tal-professjoni kif stabbilit fil-Kostituzzjoni, u li għandhom warrant validu biex jippratikaw ta’ avukat f’Malta u m’humiex soġġetti għal divjeti legali milli tieħu l-kariga fil-Ġudikatura.
Fil-mertu ġie kkonfermat li ż-żewġ avukati għandhom il-ħila li jesprimu ruħhom bil-lingwa Maltija u Ingliża u li jikkommunikaw b’mod ċar; għandhom l-integrita’, ir-rettezza u l-onesta’ fil-ħajja pubblika u privata; għanhdom l-għarfien tal-liġi, tal-prattika tal-Qrati u l-esperjenza professjonali; għandhom il-bżulija u kapaċi jaħdmu taħt pressjoni ta’ xogħol, diliġenza u ħila analitika; għandhom l-imparzjalita’ u l-indipendenza; għandhom l-assenza ta’ involviment f’attivita kummerċjali jew ta’ negozju li tqanqal dubji; għandhom il-ħila li jaħdmu f’ambjent ta’ ħidma kolleġġjali; u għandhom l-għarfien tal-kodiċi ta’ etika għall-Membri tal-Ġudikatura u disponibbilita għall-iżvilupp professsjonali u kontinwu.
Il-Gvern qal li dawn il-kriterji huma pubbliċi u ġew imfassla mill-Kumitat iniffsu bl-approvazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Dr Toni Abela ggradwa mill-Universitá ta’ Malta bħala nutar fl-1983 u bħala avukat fl-1984. Minn dak iż-żmien qatt ma waqaf jippratika l-professjoni ta’ avukat quddiem il-Qrati Maltin. Dr Abela kien membru tal-Kummissjoni tal-Impjiegi bejn l-1996 u l-1998. Kellu wkoll karriera politika twila fil-Partit Laburista u bħala wieħed mill-fundaturi tal-Alternattiva Demokratika. Dr Abela huwa miżżewweġ lil Marisa Abela u għandu tlett itfal, Estelle, Fleur u Aaron.
Dr Grazio Mercieca ħa d-dottorat tal-liġi mill-Universita ta’ Malta fl-1982 u ħadem fil-prattika privata minn dakinar sal-2015 meta sar court attorney. Serva bħala Kummissarju tal-Ġustizzja, Ġudikatur tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar u bħala arbitru speċjaliżżat f’incidenti tat-traffiku. Jgħallem ukoll il-proċedura ċivili fil-kors tal-liġi fl-Univerista ta’ Malta. Dr Mercieca huwa miżżewweġ lil Maria u għandu tlett itfal, Deborah, Caroline u Anton.
Il-President ta’ Malta mistennija tagħti l-ġurament tal-ħatra liż-żewġ avukati nhar it-Tnejn.