Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret il-finalisti li se jibbenefikaw mill-iskema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex bl-għan li tipprovdi appoġġ lil għaqdiet u assoċjazzjonijiet sportivi bbażati f’Għawdex.
L-iskema għandha l-għan li, fost l-oħrajn, issaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-għaqdiet sportivi u l-Ministeru għal Għawdex, sabiex tippromwovi u tinkoraġġixxi l-kultura ta’ parteċipazzjoni u inklużjoni f’attivitajiet sportivi u sabiex Għawdex jattira t-turiżmu sportiv.
Għal din l-iskema, li ġiet imnedija għall-ewwel darba, applikaw 16-il għaqda sportiva.
Minn dawn, tliet għaqdiet sportivi— Għajnsielem Redcoats, SK Victoria Wanderers FC u Xewkija Tigers FC—kkwalifikaw biex jingħataw il-fondi.
Dawn it-tliet għaqdiet sportivi ssodisfaw il-kriterji skont il-linji gwida stabbiliti li ġew ippubblikati. Kienu tliet għaqdiet sportivi li kkwalifikaw għal fondi peress li l-linji gwida kienu jesiġu li l-għaqdiet riedu jkunu rreġistrati kemm ma’ Sport Malta u anke bħala għaqda volontarja, apparti li ried ikollhom l-indirizz irreġistrat f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li tħossha sodisfatta bl-ammont ta’ applikazzjonijiet li ġew sottomessi, peró fl-istess waqt irid jiġi rivedut il-proċess biex aktar għaqdiet jibbenefikaw. Justyne Caruana qalet li din kienet l-ewwel sejħa li għamel il-Ministeru għal Għawdex immirata speċifikament lejn għaqdiet u assoċjazzjonijiet sportivi f’Għawdex. Il-Ministru Caruana qalet li l-Ministeru hu mpejnat biex il-qasam sportiv ukoll jibbenefika u jkompli jitkattar fil-gżira Għawdxija.
Filwaqt li ferħet lit-tliet finalisti, il-Ministru Caruana ħabbret li diġà nbeda l-proċess biex titħabbar skema oħra simili bl-għan li jibbenefikaw aktar għaqdiet.
Ritratt: MGOZ