Għall-ewwel darba f’pajjiżna l-impenn ta’ persuni li taw kontribut u ta’ dawk li jaħdmu b’mod formali jew informali fil-qasam tad-dimensja ser jiġi rikonoxxut.
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Għażla għal Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja 2019, Dr Christian Borg Xuereb, spjega illi f’pajjiżna bħalissa għandna madwar 7,000 persuna li għandha d-dimensja, li hija mdawwra b’aktar professjonisti u qraba li jagħtu s-sostenn tagħhom. B’hekk dan il-premju ħa jkun maqsum fi tlett kategoriji:
- Premju għall-Kontribut Eċċezzjonali fid-Dimensja;
- Premju Carer Informali;
- Premju Professjonist / Tim fil-Qasam tad-Dimensja
Min-naħa tiegħu, in-National Focal Point għad-Dimensja, il-Professur Charles Scerri stqarr li fil-ħidma tiegħu f’dan is-settur il-bżulija, l-impenn, u s-sagrifiċċju kbir ta’ dawn in-nies li b’xi mod jew ieħor qegħdin jgħinu lil persuni bid-dimensja, dejjem inspiratu biex ikompli jmexxi s-settur ’il quddiem.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis spjega diversi miżuri li ħa dan is-Segretarjat Parlamentari biex iqajjem aktar kuxjenza dwar id-dimensja fost il-pubbliku ġenerali, titjieb ta’ servizzi, u opportunitajiet ta’ taħriġ għal professjonisti u anke carers informali ta’ persuni li għandhom id-dimensja. “Permezz ta’ dan il-premju nazzjonali qegħdin nuru wkoll illi aħna nagħtu valur lid-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti f’dan il-qasam u l-impatt pożittiv li qegħdin iħallu”. Il-bord tal-għażla, indipendenti, ser ikun magħmul mill-Professur Andrew Azzopardi, Dr Roberta Sammut, Dr Maria Cassar, u Dr Maria Aurora Fenech, u mmexxi minn Dr Christian Borg Xuereb.
L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-uffiċini tas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, 310, Palazzo Ferreria, il-Belt Valletta, mill-Kunsilli Lokali jew minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt. Fl-applikazzjonijiet huwa importanti li dawk li qegħdin jinnominaw jiffokaw kemm jista’ jkun fuq d-dettal tal-kontribut tal-persuni.
Wara li jimtlew, dawn l-applikazzjonijiet għandhom jintbgħatu b’mod elettroniku fuq dementiaawards@gov.mt jew bil-posta fuq dan l-indirizz: Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, 310, Palazzo Ferreria, il-Belt Valletta, sa mhux aktar tard mis-7 t’Awwissu 2019. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb billi wieħed jċempel fuq 2590 3173.