Bl-iskop li jkompli jiġi promoss il-volontarjat fost il-komunitajiet lokali u li titrawwem dejjem aktar kultura ta’ inklużjoni, il-Gvern għadu kemm ħabbar it-tnedija tal-Iskema ‘Komunitajiet Aktar Inklussivi’ għal din is-sena b’fond ta’ €250,000. Kull proġett sottomess għall-iskema jista’ jieħu sa massimu ta’ €10,000.
L-iskema għandha l-għan li tassisti lill-applikanti fl-implimentazzjoni ta’ proġetti u inizjattivi li, permezz tagħhom, jinbnew komunitajiet aktar b’saħħithom biex kulħadd ikollu l-opportunità li jirnexxi.
Organizzazzjonijiet volontarji qed jiġu mistiedna jipproponu proġetti innovattivi bil-għan li jippromwovu l-inklużjoni, filwaqt li jindirizzaw waħda mill-miri tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Diżabilità jew l-Istrateġija Nazzjonali għall-Volontarjat.
Kull proposta sottomessa għall-fondi għandha tagħmel referenza speċifika għall-mira jew miri li qed jiġu indirizzati.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, fissret kif il-komunitajiet ta’ madwarna huma l-postijiet fejn in-nies iqattgħu l-maġġoranza tal-ħin tagħhom u għalhekk li rridu nassiguraw li jkunu aċċessibbli u inklussivi għal kulħadd, b’mod ugwali.
“Għandna obbligu li dawn il-postijiet ikunu aċċessibbli. Din l-iskema ta’ kwart ta’ miljun ewro tara li proġetti li se jkunu qed iressqu għaqdiet volontarji f’pajjiżna joffru l-aċċessibilità, imma wkoll l-esperjenza kemm fil-kultura, fil-festi, kif ukoll attivitajiet li jsiru fil-pajjiż, kif ukoll binjiet li jkunu aċċessibbli mhux biss fiżikament, imma wkoll permezz tal-esperjenza li joffru lill-familji tagħna.”
L-applikazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi online sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 3 ta’ Mejju li ġej. Il-formola tal-applikazzjoni, flimkien ma’ aktar informazzjoni jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit www.vofunding.org.mt.
L-għaqdiet li japplikaw jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-iskema kien hemm is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.