Infetħu l-applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet volontarji. Din l-għajnuna tammonta għal aktar minn mija u għoxrin elf ewro. Dan bil-għan li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-għaqdiet volontarji f’fora Ewropea u internazzjonali.
Dan sar b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, u l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Fi tmien snin, minn meta bdew l-għajnuniet, ġew allokati aktar minn miljun ewro.
Kull applikazzjoni sottomessa tista’ tieħu sa massimu ta’ €6,000, bi 80% tal-ispejjeż eliġibbli.
Matul l-attività, l-MCVS ħabbret ukoll pjattaforma diġitali fejn il-proġetti kollha approvati u li jingħataw fondi mill-Kunsill ser ikunu jistgħu jiġu segwiti b’mod dejjem aktar strutturat, trasparenti u anki simplifikat għall-għaqdiet.
Ic-Chairperson Gertrude Buttigieg, qalet kif din l-iskema hi mezz ta’ kif l-għaqdiet volontarji jimirħu u jkunu minn ta’ quddiem f’fora internazzjonali.
“Hija wkoll mezz kif għaqdiet attendew u jattendu konferenzi, issemgħu leħinhom u jġibu ħafna informazzjoni lura li hija utli fix-xogħol li huma jagħmlu Malta.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandalo, stqarr li l-estensjoni tal-pjattaforma diġitali, se tkun qed tiġi estiża għat-tul kollu tal-proġett inkluż sal-fażi tar-rappurtar u dokumentazzjoni neċessarja sabiex jingħalaq b’suċċess kull proġett.
“Mil-lum ’il quddiem jistgħu jissottomettu mhux biss l-applikazzjoni onlajn imma l-quotations li jkollhom u l-irċevuti b’ta li mod li niffaċilitaw l-operat tagħhom biex ma jkollhomx dak l-ammont ta’ skariċċ u allura fl-aħħar mill-aħħar ix-xogħol ikun iżjed faċilitat u x-xogħol isir aħjar.”
Minn naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, saħqet kif il-Gvern qed jinvesti aktar fit-tisħiħ tal-ħiliet tar-riżorsa umana tal-għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin għaliex huwa kruċjali li l-għaqdiet volontarji jimpenjaw ruħhom u jikkollaboraw b’mod attiv ma’ organizzazzjonijiet oħra, mhux biss fil-livell lokali iżda wkoll fil-kuntest Ewropew.
L-għaqdiet volontarji jistgħu japplikaw billi jżuru s-sit elettroniku vofunding.org.mt.sa nofsinhar tal-Ħamis 7 ta’ Settembru li ġej.