Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej, Dr Ian Borg, ħabbar li l-Aġenzija AWAS, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta’ Malta se jkunu qed jibbenefikaw minn kważi €19-il miljun li minnhom kważi €14- il miljun, ġifieri 75%, huma ffinanzjati mill-fondi tal-UE.
L-Awtorità Responsabbli fil-fatt approvat żewġ proġetti għall-Forzi Armati ta’ Malta li l-ammont tagħhom ileħħaq għal madwar €17-il miljun – taħt il-Fond tas-Sigurtà Interna 2014-2020 (FSI). Dawn il-fondi huma immirati biex jassiguraw is-sigurtà tal-armi u munizzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta u titjib fit-taqsima tal-avjazzjoni militari.
Dawn il-proġetti jinkludu titjib fis-sigurtà tal-Fort Mosta fejn jiġi miżmum l-munizzjon u l-isplussiv – b’valur ta’ iktar minn €702,000 u x-xiri tat-tielet ajruplan, b’valur ta’ ’il fuq minn €16-il miljun.
Proġett ieħor ser jiġi implimentat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – taħt il-Fond tas-Sigurtà Interna 2014-2020 (FSI) b’valur ta’ kważi €825,000. Dan il-proġett huwa immirat biex jaġġorna u jissostitiwixxi tagħmir intużat f’ każ li jkun hemm materjal perikoluż u għal taħriġ għall-impjegati tas-sezzjoni tal-HAZMAT .
Il-proġett se jkun jismu: “Titjib fis-sezzjoni tal-HAZMAT fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.”
Il-kumplament tal-fondi se jiġu wżati biex jipprovdu s-Servizzi tas-Sigurtà fiċ-ċentri tal-immigranti tal-AWAS.
Il-proġett se jiġi implementat mill-AWAS; taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u lIntegrazzjoni (FAMI) 2014-2020 b’valur ta’ kważi €708,000. Il-proġġett se jkun jismu; “Servizzi tas-Sigurta fiċ-centri tal-immigranti tal-AWAS.”
Dr Borg iddikjara li ser jkun hemm iktar proġetti li ħa jiġu approvati fil-ġimgħat li ġejjin taħt ilFond tas-Sigurtà Interna (FSI) u l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (FAMI) li jimmiraw, li jikkonsolidaw u jsaħħu l-mekkaniżmi tas-Sigurtà f’Malta kif ukoll jiffaċilitaw lintegrazzjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari Borg saħaq li dawn il-proġetti ser jikkumplimentaw u jibnu inizjattivi li ġew implimentati taħt il-Fondi passati.
Is-Segretarju Parlamentari Borg qal ukoll li l-Gvern huwa impenjat li jaċċerta aktar fondi – kemm lokali, kif ukoll minn programmi oħra tal-UE. Huwa qal li dawn il-proġetti huma essenzjali biex jiġi implimentat u miksub il-pjan strateġiku ta’ Malta f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurtà interna.
Dr Borg irikonoxxa għax-xogħol imwettaq mid-Diviżjoni tal-Fondi u l-Programmi, lamministrazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-AWAS, li, permezz ta’ sforzi konġunti, qegħdin u ser jibqgħu jimplimentaw proġetti fil-qasam tas-Sigurtà interna u l-asil, migrazzjoni u integrazzjoni.