Tħabbru emendi fl-iskema tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, li hija skema mnedija mill-gvern u maħsuba għal studenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw fl-edukazzjoni ogħla. Dan il-manteniment jingħata lil dawk l-istudenti li jkollhom bżonn għajnuna finanzjarja, apparti l-istipendju li jagħti l-gvern.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ħabbret kif fost l-emendi hemm: il-possibiltà li student ma jkollux għalfejn jagħmel means testing, li issa hija estiża wkoll għal dawk l-istudenti li jgħixu f’residential care; u li l-istudenti full-time li huma eliġibbli u li jkunu qed isegwu kors full-time, minflok japplikaw għall-maintenance grant kull sena, issa jistgħu japplikaw fl-ewwel sena tal-istudji tagħhom.
Bidla oħra li ħabbret il-Ministru Caruana hija li issa se jkunu wkoll eliġibbli għall-għotja ta’ manteniment, studenti tal-Baċellerat fix-Xjenza (Honours) fix-Xjenzi Mediċi (Intercalated Year) u studenti li wara li jsegwu dan il-kors ikomplu l-istudji tagħhom bħala studenti tat-tielet sena fil-kors ta’ Dottorat fil-Mediċina.
Il-Ministru Caruana qalet li l-għotjiet issa se jibdew jingħataw ukoll lil studenti li jirrepetu sena jew ikollhom sena ta’ estensjoni.
Studenti barranin li jagħżlu lil pajjiżna biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom se jkollhom ukoll l-opportunità li japplikaw għal dawn l-għotjiet ta’ manteniment.
Studenti li mhumiex ċittadini Maltin jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea, li japlikkaw għal għotjiet ta’ manteniment għandhom japplikaw għal eżenzjoni ta’ miżati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni wara li japplikaw għal programm jew kors ta’ studju fl-istituzzjoni li jagħżlu. Jekk l-applikazzjoni tiġi approvata, l-istudent ikun eliġibbli għal għotjiet ta’ manteniment.
Link għall-applikazzjoni: https://studentgrants.gov.mt/login.