Fix-xahar li l-maħbubin jiċċelebraw l-imħabba ta’ bejniethom, Għawdex se jilbes libsa differenti hekk kif għal sena oħra hemm programm mimli daqs bajda fl-okkażjoni ta’ Jum San Valentinu.
F’ġonna Rundle – li f’dawn il-ġranet se jingħataw dehra differenti bit-tema tal-imħabba tispikka qalb l-ambjent – il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega l-programm li għandu jħajjar lill-koppji biex jitilgħu sal-gżira tat-tliet għoljiet biex igawdu lil xulxin.
Fost bosta attivitajiet, se jkun hemm Drive-In Movie Night nhar is-Sibt 9 ta’ Frar. Is-Sibt ta’ wara, 15 ta’ Frar, se jsir kunċert bit-tema ‘Għawdex Inħobbok’ fi Pjazza t-Tokk.
Se jkun hemm diversi attivitajiet oħra fit-toroq ewlenin u f’Villa Rundle, kif ukoll bosta esebizzjonijiet tal-arti.
Il-Ministru għal Għawdex saħaq li għal sena oħra Għawdex qed jistieden lil kulħadd biex jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet fl-ewwel ġimagħatejn ta’ Frar. Huwa stqarr: “Proġramm ta’ ħmistax għal Jum San Valentinu sabiex ukoll nattiraw aktar turiżmu intern lejn il-ġżira Għawdxija. Għanda proġramm vast li jvarja minn attivitajiet kulturali wirjiet atriġjanali kif ukoll retro-films li ċgur li jattiraw biex ngħidu hekk il-faxxa kollha tas-soċjetà.”
Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-gżira Għawdxija qed tkompli tattira aktar nies, fl-istess waqt li jagħmlu lil Għawdex destinazzjoni għas-sena kollha.