Il-Baġit għall-2024 se jkun qed jara d-disa’ żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, biex b’hekk Gvern Laburista kompla jwieżen lill-anzjani.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar kif, biż-żieda tal-għoli tal-ħajja inklużi, il-pensjonanti Maltin u Għawdxin se jkunu qed jaraw żieda ta’ €15 fil-ġimgħa, li hi ekwivalenti għal €780 fis-sena.
Din hi l-akbar żieda li qatt ħadu l-pensjonanti f’sena waħda.
Sadanittant, madwar 10,000 pensjonant, li twieldu qabel l-1962, ukoll se jibdew jieħdu żieda oħra ta’ €4 fil-ġimgħa, minbarra ż-żieda fil-pensjoni, biex tagħmel tajjeb għall-anomalija tal-passat.
F’dan l-isfond, qed jittejbu l-eżenzjonijiet mit-taxxa li japplikaw għall-pensjonanti li għandhom 61 sena jew aktar. Dan b’tali mod li jkunu inklużi fl-ammonti eżentati ż-żidiet imħabbrin.