F’Novembru, fil-gżira Għawdxija se jsiru tliet attivitajiet, li huma l-festival tal-ħelu magħruf bħala Sweet Tooth, il-kunċert Tisbit u l-attività Mixegħla tal-Qaddisin.
Dawn tnedew mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li sostna kif fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, Għawdex kompla jesperjenza tkabbir fin-numri ta’ viżitaturi lejn il-gżira.
“Illum propju qed iniedu tlett attivitajiet oħra propju għal waqt il-vaganzi tal-midterm, tliet attivitajiet li huwa sinonimi wkoll ma’ dan l-istaġun ta’ Novembru ġewwa l-gżira t’Għawdex.”
CLINT CAMILLERI
Tisbit huwa kunċert ta’ perkussjonijiet b’taħlita unika ta’ mużika u żfin. Dan il-kunċert ser jittella’ nhar is-Sibt, 2 ta’ Novembru, fis-7.30 ta’ filgħaxija, fit-Teatru tal-Opra Aurora. Id-dħul huwa mingħajr ħlas u miftuħ għall-pubbliku.
Il-festival Sweet Tooth joffri festa ta’ ħelu għal kulħadd. Dan il-festival se jsir fil-ġonna tal-Villa Rundle nhar il-Ħadd, 3 ta’ Novembru. Il-bibien jiftħu fl-10 ta’ filgħodu.
Il-Mixegħla tal-Qaddisin, fejn fiha bosta disinni bix-xemgħat jinxtegħlu fuq it-turġien jew iz-zuntier tal-parroċċi f’Għawdex, se ssir fit-tlieta ta’ Novembru mis-6 ta’ filgħaxija ’l quddiem.