Il-kuluri tal-Karnival se jkunu qed jirrenjaw fil-Belt storika tal-Isla, hekk kif se tkun qed tittella’ attività marbuta mal-Karnival nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Frar. Id-dettalji dwar din l-attività tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Isla Clive Pulis u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali Emile Vassallo.
Ġie spjegat li din l-attività mhux se tkun limitata biss għat-tfal, iżda se jkun hemm mużika u żfin minn kumpaniji tal-Karnival flimkien ma’ spettaklu mill-kantanti stabbiliti Glen Vella u Tiziana Calleja, kif ukoll mużika minn DJ Charles Field.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli tkellmet dwar kif din l-attività hi parti minn kullana ta’ attivitajiet li l-kunsilli lokali se jkunu qed itellgħu matul din il-ġimgħa u l-bidu tal-ġimgħa d-dieħla. Qalet kif din is-sena se jkun hemm rekord ta’ attivitajiet imtella’ mill-kunsilli lokali.
“Il-kunsilli lokali qed jibbenefikaw u jutilizzaw id-diversi skemi li qed toħroġ id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali sabiex jittellgħu attivitajiet bħal dawn. Attivitajiet li permezz tagħhom il-pubbliku qed ikun qed igawdi dawn il-jiem fil-lokalità rispettiva. Fil-fatt dawn l-attivitajiet qed jikkumplimentaw dawk nazzjonali mtella’ fil-Belt Valletta,” qalet is-segretarju parlamentari.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Isla Clive Pulis qal li l-kunsill qed jara li jtella’ diversi attivitajiet għaċ-ċittadini Sengleani u dawk kollha li jgħixu fil-madwar, b’mod partikolari fil-Kottonera. Huwa rringrazzja lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li qed toħroġ skemi ntiżi sabiex jqajjmu aktar għarfien kulturali madwar Malta u Għawdex.