Ġewwa l-Università l-antika fil-Belt Valletta ġew introdotti boroż ta’ studju dwar l-intelliġenza artifiċjali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo spjega li dawn il-boroż jammontaw għall-€100,000 u saru permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali u l-Università ta’ Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, is-Sur Stephen McCarty faħħar din l-inizjattiva li tikkumplimenta l-istrateġija nazzjonali f’dan il-qasam u li tgħin tkattar aktar għarfien f’dan is-settur.
“Għadna kemm ħabbarna €100,000 biex jingħataw fi studju. Qed nassumu li dawn imorru fi scholarships li jkun hemm madwar 14 jew 20 student u dan mhux neċessarjament student. Jistgħu jkunu nies fl-industrija li jixtiequ jidħlu fl-istudju tal-Artifial Intelligence.”
Minn naħa tiegħu, ir-rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella semma l-importanza li l-Università tkun involuta f’dan il-proġett hekk kif l-għan ta’ din l-istituzzjoni edukattiva hija li tiddiversifika l-qasam edukattiv.
Intant is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo spjega li b’dan il-proġett ser tkun xprunata l-viżjoni tal-Gvern fis-settur diġitali.
“L-għan ewlieni tagħna huwa li jkollna l-poplu kollu preparat għad-dinja ta’ għada għalhekk qed noħorġu b’dawn il-boroż ta’ studju sabiex b’hekk l-edukazzjoni tkompli tkun iċ-ċavetta għas-suċċess għal pajjiżna fejn jidħlu dawn it-teknoloġija emerġenti.”