Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima ħabbar żewġ proġetti sportivi, b’investiment ta’ €5.2 miljuni, fejn se jinbnew Ċentru tat-Tennis f’Pembroke u Ċentru għall-iSquash u l-Weightlifting fil-Marsa Sports Grounds.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq kif dawn il-proġetti huma l-ewwel 2 proġetti minn kullana ta’ proġetti sportivi li se jippreparaw lil Malta sabiex tkun tista’ tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023.
“Jekk irridu li bħala pajjiż inkomplu niksbu suċċessi f’diversi setturi hemm bżonn li nibqgħu nsostnu t-tkabbir u l-investiment li diġa sar fl-atleti tagħna permezz ta’ dawn it-tip ta’ proġetti fejn ngħollu l-livell tal-infrastruttura sportiva ġewwa pajjiżna. Dan kollu jidħol fil-qafas tal-iStrateġija Nazzjonali għall-isport ta’ pajjiżna” spjega s-Segretarju Parlamentari Grima.
Il-proġett taċ-Ċentru tat-Tennis, b’investiment ta’ €2.2 miljuni f’Pembroke, se jkun maqsum f’żewġ fażijiet. L-Ewwel Fażi se tara l-bini ta’ sitt tennis courts li se jinkludu xogħlijiet ta’ tħaffir, tal-elettriku, asfaltar tal-art, fencing mal-madwar u parkeġġ għall-karozzi. It-Tieni Fażi se tara l-kostruzzjoni tat-Tennis House li se tkun tinkludi uffiċċini, boardroom, physio room, gym, lounge, restaurant, bar u store.
Il-proġett taċ-Ċentru għall-iSquash u l-Weighlifting, b’investiment ta’ €3 miljuni fil-Marsa Sports Ground, se jkun magħmul minn żewġ sulari. Fis-sular t’isfel se ssir reception, sitt courts tal-iSquash tas-singles, żewġ courts tal-iSquash għad-doubles, Weight Lifting Training Area, cafeteria u store. Fl-ewwel sular se jkun hemm żewġ Fitness Centres u fis-sular ta’ fuq se jsiru żewġ Netball Courts. Dan iċ-ċentru se jkun mgħammar b’diversi showers u anke uffiċini.
Iċ-Ċermen ta` SportMalta Luciano Busuttil qal li dawn il-proġetti qed isiru kollha b’sinerġija mal-għaqdiet u dan sabiex kull proġett li jitlesta ikun tal-ogħla livell. B’hekk mhux biss il-players lokali ikollhom fejn jitħarrġu u jikkompetu, iżda anke sabiex atleti barranin jiġu u jużaw dawn iċ-ċentri.
Il-Kap Eżekuttiv ta` SportMalta Mark Cutajar qal li SportMalta ippreżentat rapport lill-gvern tal-faċilitajiet kollha li l-Kumitat Olimpiku Malti ser ikollu bżonn sabiex Malta tkun tista’ tospita l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa fl-2023.
Mark Cutajar kompla jgħid li tnejn mill-proġetti qed jiġu varati illum u li fiż-żmien li ġej se jitkompla x-xogħol fuq ix-shooting range ta` Kandja, fejn ser titlesta it-tieni fażi, se jitkompla x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-kumpless tal-Baskitbol f’Ta` Qali u li se jsir rinovar tal-faċilitajiet anċillari fil-kumpless tal-Kottonera.