Erbatax-il produzzjoni ċinematografika se jiġu ppreżentati fi Spazju Kreattiv, fil-Belt Valletta, biex jiċċelebraw id-diversità fil-forom kollha tagħha. Dan fl-okkażjoni tal-EUNIC Film Festival, li se jittella’ fuq sitt ijiem bejn l-24 u d-29 ta’ Settembru.
Qed jieħdu sehem 12-il pajjiż imsieħeb fl-Istitut Ewropew tal-Kultura rappreżentati mill-ambaxxati tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Polonja u Spanja, kif ukoll l-Alliance Française, il-Kunsill Malti għall-Arti, il-British Council, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istituto Italiano di Cultura.
Il-produzzjoni Maltija hi ‘Carmen’, storja ispirata minn ġrajjiet veri u ambjentata f’pajjiżna stess. L-istorja tara lill-mara, bl-isem ta’ Carmen, li tkun ilha tieħu ħsieb lil ħuha, saċerdot, mindu kellha sittax-il sena. Issa ta’ kważi ħamsin sena, tibda ħajja ġdida.
Filwaqt li tiffaċċja l-passat tagħha, Carmen iġġib kulur fil-ħajja tar-residenti tar-raħal fejn tgħix anke billi ssib il-vuċi tagħha.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar li din hi sena speċjali għal Malta fil-kuntest ta’ dan il-festival, hekk kif Mary Ann Cauchi, id-Direttriċi tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, inħatret Direttriċi tal-Bord tal-EUNIC.
“Nemmnu li l-kultura hi mod kif nistgħu aħna nsaħħu din l-umanità, din l-għaqda fid-diversità. Il-film hu metodu b’saħħtu immens kif nilħqu dan il-għan. Allura l-EUNIC Film Festival għandu l-mira kif iġġib flimkien diversi nies u jiċċelebraw it-talent Ewropew fil-films li qed nxandru.”