Ġie mħabbar li dalwaqt mistenni jibda xogħol ta’ restawr fuq l-akwadott f’Għawdex, b’xogħol estensiv biex tiġi ppreservata l-istruttura tiegħu.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li fakkar kif fl-2017 it-taqsima tar-restawr fil-Ministeru għal Għawdex kienet għamlet intervent biex jipprevjeni aktar ħsara milli ssir.
L-akwadott inbena mill-Ingliżi bejn l-1843 u l-1843 biex iwassal l-ilma minn Għar Ilma f’Kerċem lejn ir-Rabat. Dan ir-restawr se jassigura li dan il-wirt stortiku fil-gżira Għawdxija jiġi protett u jkun jista’ jibqa’ jitgawda mill-pubbliku.
Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jissalvagwardja l-wirt kulturali f’Għawdex permezz tal-investiment kapitali neċessarju.
John Xuereb, li huwa d-Direttur għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, qal li l-proġett se jkun maqsum f’numru ta’ fażijiet. L-ewwel fażi tal-istudji ġeoloġiċi hija diġà lesta filwaqt li t-tieni fażi tal-proġett se# tibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tal-2025.