Fl-aħħar Sibt ta’ Ottubru madwar 4,000 ruħ se joħonqu t-toroq tal-Belt għall-isfilata fil-Kapitali li mistennija tkun l-akbar sfilata li qatt rat il-Belt Kapitali Valletta.
Dan l-ispettaklu se jinkludi madwar 3,000 pupazz f’forom ta’ annimali differenti, 18-il banda lokali, 360 żeffien u mijiet ta’ persuni minn diversi bliet u rħula Maltin.
Id-dettalji dwar dan l-ispettaklu ngħataw f’konfereza tal-aħbarijiet miċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef. Huwa qal li l-ispettaklu se jittella’ ġimgħa biss wara żewġ rappreżentazzjonjiet ta’ mużika-teatru ta’ Orfeo u Majnun, xogħol teatri li jgħaqqad żewġ stejjer ta’ mħabba flimkien.
Juliana Barbaro Sant mill-Fondazzjoni Valletta 2018 spjegat li l-pupazzi tal-annimali mitiċi nħolqu fl-aħħar xhur minn tfal sa anzjani u se janimaw ir-rappreżentazzjoniijiet f’Dar il-Mediterran biex ġimgħa wara joħorġu fit-toroq u l-pjazez tal-Belt għall-isfilata fil-kapitali:
“Bħala kunċett, hu ġej minn barra, l-annimali l-kbar inbnew barra minn Malta, fi Franza, oħrajn żgħar li minħabba l-kollaborazzjonijiet li għadna mat-teatri imsemmija u artisti, għallimna lil trainers Maltin biex jibnu maskri u pupazzi żgħar biex jagħmluhom mal-komunitajiet”.
Dan il-proġett qiegħed jittella’ b’kollaborazzjoni ma La Monnaie, teatru fi Brussel li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa fl-Ewropa.
Fil-fatt din l-isfilata simili ttellgħet f’pajjiżi Ewropej oħra bħal Brussel, Rotterdam, Vjenna u Franza. Madankollu, l-isfilata li ser isir f’pajjizna se tkun l-ikbar waħda.
L-ispettaklu jibda fis-14:00 fi Pjazza San Ġorg u jilħaq il-qofol tiegħu għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħaxija fi Pjazza Tritoni.
Hawnhekk il-puppazzi jinġabru fil-pjazza fejn se jittella’ spettaklu mill-aqwa talent lokali. F’dan l-ispettaklu se jieħdu sehem personalitajiet magħrufu minn Klassi Għalina u Min Imissu.
Dwar dan l-ispettaklu tkellimna ma’ Kayden Mifsud minn Kinetic Dance Company:
“Se nkunu qed nieħdu ħsieb l-animal movers li huma parti mill-Opra ta’ Orfeu et Majnun. Fil-qofol tagħha, ġimgħa wara fis-27 ta’ Ottubru se naraw performance fi Pjazza Tritoni, fejn ġbarna l-kunċett ta’ lost love f’kunċett li jolqot lilna l-Maltin, fejn mill-Assedju ġiet mibnija l-Belt u ħaditna għall-ġrajjiet kollha tul dawn l-aħħar snin sa Valletta 2018″.
Għaldaqstant, iċ-Chairman ta’ Fondazzjoni Valetta 2018 Jason Micallef ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex għal darb’oħra jipparteċipa f’din l-attività, hekk kif huma “friski mis-suċċess tan-Notte Bianca, din hija attività oħra kbira. Qed nilħqu l-qofol tas-sena tal-Kapitali Ewropea għall-Kultura. Dan huwa proġett innovattiv, qed inġibuh Malta għal-ewwel darba u hija kollaborazzjoni kbira internazzjonali ma teatru famużi madwar l-Ewropa kollha. Iżda wkoll minħabba l-involviment tal-komunitajiet. Dan huwa proġett li se jinvolvi minn 3,000 sa 4,000 persuna lokali minn Scouts Groups, skejjel, kulleġġi, u dan jimlina b’sodisfazzjon kbir”.
Is-Segretarju Parlamentari għal Valletta 2018, Deo Debattista, ukoll ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għal din l-attivita wara s-suċċess ta’ Notte Bianca.