Għal darb’oħra, il-Gvern ħabbar roħs fil-mediċini li din id-darba ikopri 29 mediċina differenti. Il-mediċini jinkludu fost oħrajn dawk għall-kura ta’ bosta kundizzjonijiet fosthom għall-osteoporożi, uġigħ newropatiku u kontra l-infjammazzjoni, pressjoni fl-għajnejn, impotenza fl-irġiel u mediċini kontra l-uġigħ.
F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Awtorità tal-Mediċini, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, qal li r-roħs kien possibbli permezz ta’ strateġija bejn l-Awtorità u d-distributuri lokali u internazzjonali tal-mediċini.
Il-mediċina Lyrica li tintuża għall-uġigħ newropatiku se torħos b’67 fil-mija bil-pazjenti jiffrankaw ħamsin ewro fuq kull kaxxa. Il-pilloli li jittrattaw il-pressjoni fl-għajnejn se jorħsu bi kważi tnax-il ewro. Mediċina li tintuża għall-impotenza fl-irġiel se torħos bi tletin fil-mija waqt li mediċina oħra kontra l-uġigħ se torħos b’għaxra fil-mija.
LYRICA – €50.25 – 67%
XALATAN – €11.77 – 45%
VIAGRA – €13.38 – 30%
XARELTO – €17.10 – 13%
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll lista ta’ erbatax-il-mediċina ġenerika li daħlu fis-suq u li fuqhom ir-roħs ivarja bejn tnejn fil-mija u tnejn u tmenin fil-mija. Ħabbar li mill-ġimgħa d-dieħla, Il-pazjenti se jkunu jistgħu jixtru mill-ispiżeriji mediċina li tnaqqas ir-riskju u tittratta l-marda tal-HIV. Qal li din se torħos bi tnejn u tmenin fil-mija. Fil-fatt il-prezz tagħha se jorħos minn 530 ewro għal 95 ewro bil-pazjent jiffranka aktar minn 435 ewro.
Iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċina f’Malta, il-Professur Anthony Serracino-Inglott, qal minkejja l-isfidi ta’ Brexit, iddaħħlu 23 mediċina oħra fis-suq.
Qal li l-awtorita hija mħejjija sew biex tassigura li Malta ma tkunx milquta minn Brexit u b’hekk ma jkollniex mediċini out of stock.
Dan ir-roħs isegwi traħħis ta’ aktar minn mitejn u ħamsin mediċina u d-dħul fis-suq ta’ kwazi mitejn mediċina ġenerika.