Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg ħabbar tliet proġetti li flimkien jammontaw għal kważi €80 miljun.
Dawn huma ‘One Tablet Per Child’, ‘Sintegram’ u ‘Converge’.
Il-One Tablet Per Child huwa proġett li jiswa kważi €12-il miljun, bil finanzi ġejjin mill-Fond Soċjali Ewropew. Huwa proġett li minnu se jibbenifika l-Ministeru għall-Edukazzjoni u naturalment l-istudenti Maltin. Huwa proġett immirat li jipprovdi qafas tekniku, grazzi għat-tablets mgħotija lit-tfal, li jintużaw b’mod effettiv fl-ambjent ta’ tagħlim.
Il-proġett ‘Sintegram’ se jwassal biex tinħoloq pjattaforma waħda li tiġbor l-informazzjoni u tpoġġiha f’sistema waħda. Minn dan il-proġett se tibbenefika l-Awtorità tal-Ippjanar, bl-ispiza totali tkun ta’ ftit iktar minn seba miljun ewro. Ħames miljuni huma fondi Ewropej.
Il-proġett ‘Converge’ se joħloq numru ta’ apps u servizzi elettroniċi li se jkunu ta’ benefiċċju għan-negozji u ċ-ċittadini. Dan filwaqt li se jikkontribwixxi wkoll għal iktar effiċjenza u sostenibiltà fuq is-sistema ta’ saħħa. Dan il-proġett se tibbenefika minnu l-MITA, u l-ispiża hija ta’ iktar minn €57 miljun, bi ftit aktar minn €28 miljun ewro ġejjin minn fondi Ewropej.