Tnejn mill-akbar trade unions tal-Italja kkonfermaw li l-istrajk ġenerali nazzjonali bi protesta kontra l-baġit tal-gvern se jsir kif ippjanat nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru.
L-istrajk ta’ tmien sigħat mistenni jkollu impatt fuq diversi setturi fosthom l-iskejjel, il-kura tas-saħħa, l-ivjaġġar bl-ajru, l-uffiċċji pubbliċi, il-fabbriki, il-laneċ u t-trasport pubbliku lokali.
Minkejja taħdidiet twal il-ġimgħa li għaddiet bejn il-mexxejja tal-unjins u l-gvern ir-rappreżentat mill-Prim Ministru Giorgia Meloni u l-Ministru tal-Finanzi Giancarlo Giorgietti, ma ntlaħaqx kompromess u l-istrajk se jsir kif ippjanat.
L-għaqdiet qed jgħidu li din l-azzjoni industrijali hija tweġiba għall-baġit “inadegwat” tal-gvern fejn talbu żieda fis-salarji u fil-pensjonijiet kif ukoll aktar infiq fuq il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi pubbliċi u l-politika industrijali.
Fi stqarrija, l-kumpanija Taljana tal-ajru ITA Airways qalet li minħabba dan l-istrajk kellha tikkanċella 39 titjira domestika skedati għal nhar il-Ġimgħa.
Is-servizz tat-trasport pubbliku ta’ Ruma ATAC qal li s-servizzi tagħhom se jkunu kompromessi mit-8:30 ta’ filgħodu sal-5:00 ta’ wara nofsinhar u mit-8:00 ta’ filgħaxija sa tmiem is-servizz, filwaqt li s-servizz tat-trasport f’Milan, skont il-website tal-ATM, se jiffaċċja interruzzjonijiet mid-8:45 ta’ filgħodu sat-3:00 ta’ wara nofsinhar u mis-6:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
L-istrajk mhux se jaffettwa is-servizzi tal-ferrovija Taljani iżda l-ħaddiema diġa għamlu strajk ta’ 24 siegħa fi tmiem il-ġimgħa.