Ġiet implimentata parti oħra mill-viżjoni tal-Gvern għas-settur edukattiv f’pajjiżna, dan hekk kif tħabbar proġett li se jgħaqqad l-iskola, il-komunità u l-familja ma’ xulxin.
Dan se jara li studenti, li minħabba raġunijiet varji ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-edukazzjoni tagħhom, jiġu segwiti u mgħejjunin minn professjonisti biex xorta waħda jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Dan il-proġett, li tnieda fl-Iskola Primarja ta’ Bormla, mistenni jinfirex mal-iskejjel kollha ta’ pajjiżna. Preżenti l-Ministru għall-Edukazzjoni Cliftom Grima spjega l-importanza ta’ dak li nieda l-Gvern.
“Meta l-edukaturi tagħna fl-iskejjel jidentifikaw li hemm problema li tista’ tkun, fost l-oħrajn, nuqqas ta’ sapport mill-bqija tas-soċjetà, hemmhekk għandek lin-nies professjonisti li se jersqu ’l quddiem u jagħmlu proprju outreach mal-familja, mal-komunità, bl-għarfien li, meta naħdmu id f’id bħala soċjetà inġenerali, se nagħtu l-aħjar lit-tfal ta’ dan il-pajjiż.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru responsabbli, Matthew Vella, qasam magħna x’esperjenzi ltaqgħu magħhom biex eventwalment tnieda dan il-proġett.
“Hawnhekk qed naraw sitwazzjonijiet varji, fejn ikollok familji li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet soċjali, fejn ikollok studenti li anke qed ikollhom diffikultajiet fil-qasam tal-edukazzjoni kif ukoll studenti li, jista’ jkun, meta jkunu fil-komunità, ikollhom ċerti diffikultajiet anke biex jinteraġixxu fl-istess komunità. Dan il-programm qed inħarsu lejn il-persuna b’mod sħiħ u se nkunu qed nagħtuh is-sapport meħtieġ skont id-diffikultajiet tiegħu.”