Żewġ proġetti, li għandhom fil-qalba tagħhom il-funtanta tat-Tritoni, se jbiddlu kompletament id-dehra tad-daħla tal-Belt Kapitali. Dawn tħabbru llejla mill-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u jinvolvu l-proġett tal-Foss tad-daħla tal-Belt u l-paviment tal-Pjazza tat-Tritoni. Dettalji ingħataw miċ-chairman tal-Fondazzjoni għar-Riġenerazzjoni taż-Żona tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Permezz ta’ dawn iż-żewġ proġetti, il-pjazza tal-funtanta ta’ Tritoni mhux se tibqa’ ċentru minn fejn jopera t-trasport pubbliku, iżda ssir pjazza pedonali li tpaxxi għajn kull min jidħol il-Belt Valletta.
Issa ż-żona pedonali fid-daħla tal-Belt se tkun mixja waħda, minn naħa tal-Biskuttin fil-Furjana sad-daħla tal-Belt. Dan fi spazju miftuħ għal użu tal-pubbliku, bil-pavimentar ikun magħmul mill-istess ġebla Maltija tal-Bieb tal-Belt Valletta.
Pjazza Tritoni se ssir ċentru għall-laqgħat u attivitajiet soċjali, kulturali u rikrejattivi.
Madanakollu il-proġett xorta se jippermetti spazji tal-parkeġġ għall-karozzi tal-linja, taxis u karozzini għall-konvenjent tal-pubbliku li ta’ kuljum iżur il-kapitali.
Iż-żona miftuħa se tkun qed tirrispetta l- istorja sinjura ta’ Malta billi n-naħa tal-Foss tad-daħla tal-Belt jinbidel fi ġnien li se jkun imdawwal b’mod li jsebbaħ l-ispazju kollu.
Għaddej ukoll ftehim bejn l-Università u l-Gvern biex is-siġar u pjanti li jitħawlu fil-ġnien ikunu kollha indiġeni. Fil-foss se jkunu restawrati ukoll żewġ pontijiet, dak li jagħti għal Strada Rjali, u anke dak li fl-antik kien jintuża għal ferrovija.
Kemm il-proġett tal-pjazza, kif ukoll tal-foss, se jkunu qed jagħtu prominenza u joħorġu l-isbuħija tas-swar li jeżistu madwar il-Belt.
Dan huwa proġett li jsegwi oħrajn li tlestew fi żmien raġonevoli u li taw lura lil Malta l-identità u r-rikezza tagħha, bħall-Forti Sant’ Iermu, Strada Stretta u Pjazza Kastilja, fost oħrajn.
Dawn il-proġetti, li tfasslu wkoll bil-pariri tal-uffiċċju ta’ Renzo Piano, mistennija jkunu lesti sa tmiem is-sena d-dieħla.