Il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar mistennija tgawdi minn pjan ta’ riġenerazzjoni mħabbar mill-Ministeru għat-Turiżmu aktar kmieni.
Fost oħrajn se jitlaqqa’ kumitat apposta sabiex joffri r-rakkomdazzjonijiet u l-proposti tiegħu għal dak li hu meħtieġ isir f’din il-lokalità.
Dan il-proġett mistenni li jindirizza l-aspetti kollha fis-soċjetà kemm dawk soċjali kif ukoll dawk ekonomiċi. Fost dawn il-prijoritajiet hemm l-immaniġġjar aħjar tat-traffiku u tal-iskart, il-kriminalità u sfidi makroekonomiċi li diġà qegħdin ikunu ndirizzati minn oqsma differenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Sindku tal-lokal laqa’ dan l-intervent u qal li se jikkumplimenta l-ħidma tal-kunsill stess.
“Ifisser illi fl-aħħar il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar qed tibda tiġi ndirizzata l-problemi reali ta’ din il-lokalità. Grazzi għal Ministeru għat-Turiżmu illi jidher li qed jittieħdu l-affarijiet bis-serjetà biex mhux inħarsu għal lum biss imma nħarsa għal għada u pitgħada.”
Ic-chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu Gavin Gulia saħaq li l-għan ta’ dawn il-proġetti huwa li joħloq lokalitajiet fejn wieħed ifittex biex iqatta’ ħin ta’ kwalità fihom. Gulia iddeskriva dan il-proġett bħala wieħed kumpless hekk kif ser ikun qed jinkludi ħidma interministerjali.
“Propju bit-twettiq ta’ dan il-‘working group’ aħna nemmnu li ser naslu għat-twettiq finali ta’ dan il-għan sabiex naraw dawn l-inħawi jsir destinazzjoni turistika fiha nnifisha aktar b’saħħitha milli hija llum.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo stqarr kif dan huwa parti mill-pjan ħolistiku għat-turiżmu f’pajjiżna li jimmira biex jattira aktar turiżmu diversifikati.
“Permezz ta’ dan il-kumitat għar-riġenerazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar qegħdin naraw li mhux biss nwettqu l-proġetti iżda ukoll nippjanaw pjan ħolistiku fit-tul sabiex naraw illi l-isfidi li ġejjin fi żmien illi ġej f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, l-Qawra u x-Xemxija nkunu qegħdin nilqgħu għalija billi nimplimentaw dak kollu li hemm bżonn ġewwa din il-lokalità tant sabiħa.”