Il-Gvern permezz tal-Ministru għall-Infrastruttura ħabbru pjan ta’ mobilità attiva aktar sigura madwar Malta.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ mill-Ministru Aaron Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon.
Hawnhekk intqal li l-iskop ta’ dan il-pjan, li jinkludi investiment infrastrutturali sinifikanti b’mod partikolari f’żoni urbani, huwa li jipprovdi għażliet aħjar għal min jivvjaġġa biex tingħata prijorita lill-mobilita attiva.
Dan il-pjan jinkludi fih rotot ġodda li mhux biss se jgħaqqdu l-postijiet, iżda se joffru wkoll il-possibilita li jintgħażlu modi differenti ta’ trasport.
L-ewwel fażi ta’ dan il-pjan se jiffoka fuq il-konessjonijiet bejn Sa Maison, il-Belt Valletta u s-Sea Terminal tal-Passiġġieri li jkopru tul ta’ tliet kilometri. Din iż-żona tinkludi konnessjonijiet importanti għall-Belt Valletta, il-pereferija tal-Ħamrun u s-Sea Terminal tal-Passiġġieri.
Dawn ir-rotot għandhom l-iskop ukoll li jgħaqqdu spazji ħodor ma’ żoni meqjusa traffikużi sabiex l-esperjenza tkun waħda aħjar. B’dan il-mod se jkomplu jtejbu l-ispazji urbani u joħolqu postijiet pubbliċi li jista’ jgawdi kulħadd.
Il-Ministru Farrugia qal li dan qed isir b’investiment totali ta’ €35 miljun, li permezz tagħhom qed ikunu offruti altenattivi realistiċi għall-vetturi privati.