Għadu kemm tħabbar pjan komprensiv għas-sigurtà fit-toroq b’miżuri li se jibdew jiġu mwettqa s-sena d-dieħla, waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia
Il-pjan jinkludi numru ta’ miżuri tanġibbli. Fost oħrajn, se tiġġedded l-istrateġija għas-Sigurtà fit-Toroq, bl-għan li tirrifletti r-realtajiet ta’ pajjiżna sal-2030.
Se titwaqqaf kummisjoni li tinvestiga s-sigurtà fit-toroq: Transport Safety Investigations Commission. Dwar din, se tiġi ppubblikata white paper għall-konsultazzjoni pubblika.
Barra minn hekk, se jisaħħaħ l-irwol tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-toroq bħala konsulent tal-Gvern. L-istruttura u l-irwol ta’ dan il-Kunsill mistennija jsiru parti mill-liġijiet ta’ Malta.
Sabiex tkompli tiżdied is-sigurtà fit-toroq, huwa maħsub li jsir aktar infurzar u li jkun hemm pieni eħrex. Dan flimkien ma’ sforzi biex ikun hemm bidla fil-kultura relatata mas-sigurtà, minn eta bikrija, b’ħidma mal-istituzzjonijiet edukattivi. Se jkunu pjanati kampanji ta’ tagħlim u informazzjoni matul is-sena kollha.
Il-Ministru Farrugia qal li Malta għandha Vision Zero: strateġija biex jiġu eliminati l-imwiet kollha tat-traffiku u l-korrimenti gravi, filwaqt li tiżdied il-mobilità sikura, b’saħħitha u ekwa għal kulħadd.
“Kulħadd għandu rwol u responsabbiltà biex nilħqu dawn il-miri, fosthom il-Gvern, l-awtoritajiet, sewwieqa u dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna. Ilkoll flimkien irridu niżguraw li t-toroq jkunu siguri. Għalija, l-imwiet u l-vittmi ta’ inċidenti fit-toroq mhumiex numri, iżda persuni b’famili warajhom,” stqarr Farrugia.