Fil-Jum Dinji tal-Avjazzjoni, twaqqaf kumitat ġdid bil-għan li jlaqqa’ l-partijiet kollha interessati biex flimkien iħarsu s-sostenibbiltà ta’ din l-industrija.
Dan il-kumitat iltaqa’ fil-Ministeru għat-Trasport, fejn l-eks Kummissarju Ewropew u issa Chairman ta’ dan il-kumitat, Karmenu Vella, sostna li fost l-iskopijiet ta’ dan il-kumitat hemm it-tfassil ta’ politika għall-avjazzjoni.
Qal kif, “Għandna per eżempju l-intenzjoni li nikkonsilidaw l-legiżlazzjoni fejn tidħol l-avjazzjoni. Irridu naraw l-impatt ekonomiku, kemm jissarraf ta’ dan is-settur. Irridu nħarsu u naraw nagħmlu awditjar biex naraw id-domanda tas-settur fost oħrajn.”
Żied jgħid li dan il-kumitat ħa jagħti l-opportunità lill-partijiet interessati fis-settur biex iwasslu l-ideat tagħhom lejn aktar konnettività u tkabbir ekonimiku.
Spjega li , “U jiena naħseb li dan jista’ jagħti kontribut qawwi biex l-avjazzjoni tkompli tikber importanti mhux biss f’termini ta’ kwantità imma anke fil-kwalità.
Il-Ministru Ian Borg qal li s-settur tal-avjazzjoni se jkun qiegħed mill-ġdid jifforma parti essenzjali mill-istrateġija tal-Gvern biex dan is-settur ikompli jikber u jimxi ’l quddiem.