Fir-residenza San Vinċenz de Paul, ġie mħabbar investiment ta’ żewġ miljun ewro f’magna ġdida għall-MRIs, li se tnaqqas sew l-iskariġġ għall-anzjani; mhux biss dawk residenti f’San Vinċenz, iżda anki oħrajn fil-komunità.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, fid-Day Hospital ta’ San Vinċenz, li spjega kif din il-magna se tkun ir-raba’ waħda għall-MRIs f’pajjiżna.
Fl-istess waqt ħabbar kif fil-futur qrib, mistenni jitħabbar investiment simili f’Għawdex, biex anki l-gżira Għawdxija tkun mgħammra b’magna għall-MRIs u l-Għawdxin jinqdew f’Għawdex stess.
Kull sena, isiru għexieren ta’ eluf ta’ MRIs, kemm skedati u anki dawk ta’ emerġenza, biex tingħata stampa ċara ta’ dak li jkun għaddej fil-ġisem għad-dijanjosi tal-pazjent.
Il-Ministru tas-Saħħa spjega kif il-magna f’San Vinċenz se tkun iffukata l-aktar biex taqdi l-bżonnijiet tal-popolazzjoni anzjana, u tikkunsidra l-vulnerabbiltà tagħhom bit-tip ta’ radjazzjoni li toffri.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani, Malcolm Paul Agius Galea, semma l-irwol kruċjali tal-ħaddiema fis-settur, li jagħmlu l-aqwa użu mill-potenzjal li toffri din il-magna bl-aqwa teknoloġija.
Semma wkoll l-aspett preventiv marbut ma’ dan l-investiment, għaliex filwaqt li din il-magna se tnaqqas l-iskariġġ tal-ivvjaġġar lill-anzjani, tipprevjeni wkoll riskji oħra marbuta ma’ saħħithom.
Il-fondi għal din il-magna ġejjin mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF.