B’investiment ta’ €90 miljun se tiġi rrinovata s-sistema tad-distribuzzzjoni tal-elettriku ta’ pajjiżna biex isservi aħjar għall-ħtiġijiet ta’ llum b’mod partikolari ż-żieda fid-domanda għall-elettriku.
Dan l-investiment mill-Enemalta li tħabbar s-Sibt filgħodu mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli hu mifrux fuq sitt snin u fost oħrajn se jara l-bini ta’ ċentru ta’ distribuzzjoni ieħor tal-elettriku fin-Naxxar biex ikopri aħjar liċ-ċentru ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’wieħed miċ-ċentri tad-distribuzzjoni, ċ-Ċermen tal-Enemalta l-Inġinier Jonathan Scerri spjega li d-domanda f’pajjiżna mistennija titla’ b’25% fl-mija u allura dan l-investiment se jkun jara li s-sistema tlaħħaq ma’ din id-domanda.
Scerri tenna, “Dawn id-disgħin miljun ewro se jsarrfu ruħhom f’numru ta’ proġetti f’diversi stadji tas-sistema tad-distribuzzjoni. Qegħdin inħarsu lejn links ġodda bejn il-Magħtab u l-Mosta. Qed inħarsu lejn circuits ġodda f’dak li hu medium voltage, 250 substation ġdida u cables ġodda li jwasslu l-elettriku mis-substations għad-djar tan-nies.”
Dan l-investiment għandu tliet għanijiet prinċipali fosthom li l-Enemalta tnaqqas il-qtugħ u l-interuzzjonijiet fid-distribuzzjoni tal-elettriku meta d-domanda tkun waħda għolja.
Huwa spjega, “Li tħares ‘l quddiem u ż-żieda fid-domanda li nipproġettaw għas-sitt snin li ġejjin. Finalment aħna l-iskop tagħna hu li nnaqsu n-numru ta’ interuzzjinijiet fis-servizz u fejn ikun hemm interuzzjoni din tkun qasira kemm jista’ jkun.”
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li dan l-investiment imur paripassu mat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Iżda fuq kollox se jkun qed jtejjeb il-ħajja tan-nies għax se jkunu moqdija aħjar.
Dalli stqarret, “Huwa investiment li jagħti serħan il-moħħ lill-familji tagħna pero’ anke lin-negozji tagħna fiż-żmien meta nafu x’qed jiġri internazzjonalment. Jiġifieri għandek is-settur tal-enerġija b’mod internazzjonali għaddej minn sfidi kbar. Aħna mhux talli qed naħdmu biex naraw li naċċertaw ruħna li r-rati tad-dawl ma nċaqalquhomx u ħallejnihom kif inhuma fl-2013, iżda qed naraw li ninvestu l-flus biex naraw li lokalitajiet differenti jkunu indirizzati kemm fejn hemm sfidi immedjati u anke biex nilqgħu għal sfidi futuri.”
Ix-xogħlijiet kollha se jkunu qed isiru fuq diversi stadji, b’uħud minnhom se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin u mistennija jitlestew sas-sena 2027.
Dan il-pjan jikkumplimenta xogħlijiet oħrajn li għaddejjin bħalissa f’diversi inħawi ta’ madwar pajjiżna.