Kumpanija tal-farmaċewtika Israeljana se tibda tipproduċi u tesporta prodotti relatati mal-kannabis mediċinali minn pajjiżna wara investiment ta’ €6 miljun.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Intrapriża wara żjara mill-Ministru Miriam Dalli ġewwa s-sit ta’ din il-kumpanija.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Panaxia Pharmaceuticals Dr Dadi Sagel spjega kif din il-kumpanija hija waħda mill-ewlenin fl-Ewropa u kontinwament qed tara li tissodisfa domanda qawwija għal din it-tip ta’ mediċina fl-istess suq Ewropew.
Qal, “Here we would be producing all our products into the European Market. Panaxia is using innovative cannabis products. We are not manufacturing flowers, we are taking it into the next step of bringing dosage forms which are similar to any other pharmaceutical, namely vaporisation extracts so that patients don’t have to smoke the product, tablets and oils. We will be producing all of these innovative products from this manufacturing site here.”
Kien b’hekk li Dr Sagel spjega li l-kumpanija kienet qed tfittex tinvesti f’pajjiż Ewropew sabiex hemmhekk tiġi stabbilità preżenza fi ħdan is-suq Ewropew. Hawn, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija spjega li ntagħżlet Malta minħabba l-opportunitajiet uniċi li toffri.
Fil-fatt, Dr Sagel spjega kif kruċjali għal dan is-suċċess kienet l-għajnuna mill-Gvern sabiex jiġi ffaċilitat dan l-investiment, partikolarment bl-għajnuna tal-Malta Enterprise.
Huwa stqarr, “We explored many counties. Eventually it was the support we gained from authorities here namely Malta Enterprise and the Malta Medicines Authority that persuaded us to come over here and I think this has proves to be a great success.”
Dr Sagel irrimarka wkoll l-effiċjenza tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini sabiex tassigura standards eċċellenti ta’ prodotti filwaqt li fl-istess ħin anke permezz ta’ djalogu ma’ kumpaniji bħal Panaxia, dawn il-prodotti jitwasslu fis-suq.
Minn naħa tagħha l-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli tenniet kif dan l-investiment b’saħħtu minn Panaxia Pharmaceuticals huwa ċertifikat ieħor ta’ kemm pajjiżna kapaċi jattira investiment. Investiment li qed ikompli jgħin lill-ekonomija ta’ pajjiżna tikber u tiddiversifika ruħha.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat ukoll kif din il-kumpanija issa kisbet il-liċenzja neċessarja biex tibda tipproduċi u tesporti l-prodotti fis-suq Ewropew partikolarment fil-Ġermanja.
Hija aċċennat ukoll għad-diskors tal-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija meta sostna li Malta toffri opportunitajiet uniċi. Fil-fatt, il-Ministru Miriam Dalli sostniet kif waħda minn dawn l-opportunitajiet hija wkoll li Malta toffri persuni kompetenti mmens sabiex jaħdmu f’dan is-settur.
Dalli stqarret, “Interessanti li l-ħaddiema kollha li għandhom Panaxia b’dan il-post f’Malta huma kollha Maltin. Huma nies li għandhom skills speċjalizzati u allura Malta qed tkun kapaċi mhux biss tattira dan it-tip ta’ investiment imma qegħdin ukoll noħolqu sistema sħiħa fejn nagħtu l-opportunità lill-ħaddiema Maltin li għandhom skills speċjalizzati f’din l-area.”