Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, se joffri kors ta’ taħriġ għal sajjieda żgħażagħ sabiex ikompli jsostni s-settur b’aktar sajjieda.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
L-iskema intitolata “Young Fisher’s Scheme” għandha l-għan primarju li sajjieda żgħażagħ jiksbu taħriġ prattiku kif ukoll tagħlim akkreditat mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza, u t-Teknoloġija (MCAST). Permezz ta’ għajnuna minn sajjied full-time ta’ esperjenza, is-sajjieda żgħażagħ prospettivi jistgħu jiksbu l-għarfien neċessarju sabiex joperaw b’suċċess f’dan il-qasam.
Il-Ministru Anton Refalo qal li permezz ta’ din l-inizjattiva qed titwettaq wegħda elettorali oħra. Kompla billi qal li l-gvern qed jinvesti biex iħeġġeġ aktar żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.
“Għal darb’oħra qed naraw Gvern li bil-fatti jimpurtah u qed jinvesti fis-settur tas-sajd f’pajjiżna. Dak li qed iniedu llum jimxi id f’id ma’ inizjattivi, proġetti u miżuri li ħabbara fix-xhur u snin li għaddew. Infakkar kif ġew estiżi numru ta’ skemi t’għajnuna għas-sajjieda tagħna, bħall-iskema għax-xiri tal-fuel, u l-iskema għar-restawr tad-dgħajjes tradizzjonali, li jirrikjedu diversi spejjeż ta’ manutenzjoni. Ninnota wkoll kif bis-saħħa tal-estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għall-ispejjeż addizzjonali għas-sajjieda, 79% tas-sajjieda qed igawdu minn fuel issussidjat,” temm jgħid il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li, “Il-Young Fisher’s Scheme hija inizjattiva oħra li l-Gvern qiegħed jimplimenta sabiex l-industrija tas-sajd tibqa’ sostenibbli u attiva. Permezz ta’ din l-iskema, qed ngħinu liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u nħeġġuhom jagħżlu s-sajd bħala l-impjieg primarju tagħhom.” Hija rringrazzjat lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ta’ din l-inizjattiva li tippermetti għarfien edukattiv rikonoxxut minn istituzzjoni ewlenija f’pajjiżna, bħalma hi l-MCAST.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura Gilbert Balzan qal li permezz ta’ din l-iskema sajjieda żagħżagħ se jingħataw l-opportunità li jkollhom esperjenza ta’ xogħol ma’ sajjieda stabbiliti. Tenna li l-benefiċċju aħħari ta’ din l-iskema huwa li tiġi imrawma l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ sajjieda.
Il-perjodu ta’ taħriġ taħt din l-iskema se jsir bejn l-1 ta’ Awwissu 2024 u t-30 ta’ Ġunju 2025. Għal aktar informazzjoni u mistoqsijiet, wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq 22926800, jew jibgħat email fuq: fisheriesprojects.mafa@gov.mt.