Il-kumpanija nazzjonali taż-żfin, ŻfinMalta, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, għadha kif ħabbret l-istaġun 2019-2020 tagħha. Mill-bidu tagħha, il-kumpanija ħadmet lejn aktar għarfien dwar iż-żfin kontemporanju fil-gżejjer tagħna. Il-kumpanija taħdem mal-aqwa żeffiena u koreografi, kemm fuq livell lokali kif ukoll dinji biex toħloq produzzjonijiet ġodda u innovattivi ta’ livell artistiku għoli.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar il-passi kbar li għamlet il-kumpanija nazzjonali taż-żfin mill-bidu tagħha, u stqarr li, “dan kollu huwa possibbli grazzi gall-investiment dirett li qiegħed isir minn dan il-gvern fl-arti u l-kultura. Permezz ta’ ŻfinMalta mhux biss qed nkabbru aktar l-apprezzament lejn l-arti imma qegħdin nipprovdu s-settur kulturali ta’ pajjiżna b’legat b’saħħtu.”
L-istaġun li għadda ġab tkabbir konsiderevoli fi ŻfinMalta, u l-programm tal-2019-2020 se jkompli jaħdem fuq dan, b’7 produzzjonijiet b’artisti lokali u koreografi rinomati internazzjonali; 3 produzzjonijiet kollaborattivi f’avvenimenti u festivals ewlenin; 4 programmi għall-edukazzjoni u parteċipazzjoni fi żfin; programm ta’ artist-in-residence; u serje ġdida ta’ preżentazzjonijiet pubbliċi fuq il-koreografija minn esperti f’bosta oqsma kreattivi.
Kull proġett individwali ġie magħmul għal udjenza u parteċipanti apposta, u jindirizzaw it-3 valuri ewlenin tal-kumpanija; inklussività, tkabbir u eċċellenza. Dawn il-proġetti se jkunu hub ta’ kreattività u se jipprovdu aktar spazju biex jiġu esplorati aktar il-fruntieri u l-pożizzjoni ta’ ŻfinMalta fuq livell internazzjonali fuq l-innovazzjoni u ż-żfin.
Għal aktar informazzjoni fuq il-programm 2019/2020 ta’ ŻfinMalta, ibgħat email fuq info@zfinmalta.com.