Fil-Liċeo tal-Ħamrun se jiġu investiti aktar minn miljun ewro fi ġnien pubbliku fuq il-bejt tal-iskola.
Dan se jsir bħala parti minn sensiela ta’ proġetti ta’ tħaddir urban f’diversi lokaitajiet, biex il-pulmun aħdar tal-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin, dejjem jikber.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet quddiem il-Liċeo, il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia sostna kif dan il-proġett se jara t-tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxelli, flimkien ma’ tisħiħ tal-infrastruttura u ġibjun.
Il-Ministru sostna li mat-tlestija tiegħu, dan il-ġnien se jkun wieħed ewlieni fil-Ħamrun.
Qal, “Se jkun l-ikbar spazju miftuħ ġewwa l-Ħamrun b’investiment ta’ miljun ewro minn Ambjent Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar, li flimkien ingħaqdu biex jagħtu wiċċ ġdid lil dan il-Liċeo imma wkoll l-ikbar żona ta’ rikreazzjoni li l-Ħamrun se jkollu fiż-żmien li ġej.”
Dan il-proġett se jservi ta’ eżempju ta’ kif għandu jiġi mħaddar bini kbir.
Fil-fatt, il-Ministru tenna li maż-żmien, binjiet kbar għandhom ikollhom faċċati jew bjut imħaddra b’mod mandatorju, hekk kif dan it-tħaddir huwa pruvat li jtejjeb il-kwalità tal-arja u jnaqqas it-tniġġis tal-istorbju.
Is-Sindku tal-Ħamrun qal li dan il-ġnien se jkun parti mir-riġenerazzjoni urbana li tant jixraq lill-Ħamrun u sostna li dan m’huwiex investiment iżolat f’din il-lokalità ċentrali f’Malta.
Spjega, “Ovjament għandna ħsibijiet li l-Ħamrun inżidu ħafna spazji pubbliċi. Fil-fatt ftit ta’ żmien ilu ħabbarna wkoll pjazza ġdida li kien hemm parking u biddilniha fi pjazza u ġiet tajba ħafna. Ir-residenti għall-bidu kienu ftit xettiċi imma llum jinsabu sodisfatti ħafna. Għandna ħsibijiet ukoll li parti mill-pjazza ħdejn Pjazza San Pawl, se nneħħu wkoll triq li se nibdluha f’bandli biex ukoll it-tfal tagħna jkollhom fejn jilagħbu.”