Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ħabbar fi stqarrija li mil-lum infetaħ freephone bin-numru 80072213 sabiex sajjieda, bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jikkomunikaw mad-dipartimenti kkonċernati għal kull tip ta’ assistenza u informazzjoni li jkollhom bżonn marbuta mal-maltemp qawwi li ħakem lil pajjiżna tul dawn l-aħħar ġranet.
Is-Segretarjat Parlamentari qal li l-linji huma miftuħin mit-8am sas-7pm inklużi s-Sibtijiet u l-Ħdud.
L-istqarrija qalet ukoll li d-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali diġà beda jispezzjona diversi żoni sabiex jiġu identifikati l-ħsarat li saru. Is-Segretarjat Parlamentari sostna li se jkun qiegħed għad-dispożizzjoni tas-sajjieda, bdiewa u raħħala f’dan iż-żmien tant diffiċli għalihom u għas-settur.