1770. Dan hu n-numru tal-Freephone l-ġdid li tnieda mill-Fondazzjoni Richmond biex permezz tiegħu toffri l-għajnuna lil persuni b’problemi ta’ saħħa mentali.
Waqt it-tnedija tal-kampanja “Ħalluna ngħinukom issibu l-mod kif timxu ‘l quddiem”, il-Kap Eżekuttiv, Stefania Dimech Sant, spjegat kif din il-kampanja se tkun qed toffri lok lil kwalinkwe persuna, biex iċemplu għall-għajnuna u hemm se jsibu persuni lesti biex jisimgħu u jwittu t-triq ‘il quddiem. Bil-kampanja tkun immirata l-aktar għaż-żgħażagħ.
“Dan in-numru, 1770, qiegħed hemm biex jagħmilha aktar faċli bin-nies jiftakruh, iċemplulna biex flimkien magħhom nesploraw x’nistgħu nagħmlu fuq xi sintomi u xi diffikultajiet li jkollhom fil-qasam tas-saħħa mentali,” qalet is-Sinjura Dimech Sant.
Spjegat kif madwar 17% tal-adoloxxenti fl-età ta’ 10 snin u 17-il sena, u 13% taż-żgħażagħ xi darba weġġgħu lilhom infushom filwaqt li 50% ta’ dawk kollha li żviluppaw diżordni fl-ikel kellhom sintomi qabel it-18-il sena.
Dimech Sant spjegat kif ir-Richmond Foundation toffri 11-il servizz fejn taħdem ma’ ‘l fuq minn 2000 persuna, b’130 minnhom jagħmlu użu minn servizzi residenzjali. Ħabbret kif bħalissa l-Fondazzjoni Richmond għaddejja b’ħidma fuq proġett kbir li se jara dar residenzjali ġdida għal tfal b’imġieba diffiċli.
“Bħalissa għandna diversi proġetti, iżda l-akbar proġett hu ta’ dar residenzjali ġdida għat-tfal. Huwa proġett li ilna naħsbu fuqu għal dan l-aħħar sena. Se jinvolvi investiment sostanzjali u qed inħarsu ‘l quddiem lejh biex aħna nkunu nistgħu nagħtu dejjem servizz aktar komdu u aktar ta’ kwalità lil tfal li juru mġieba diffiċli,” kompliet tgħid is-Sinjura Dimech Sant.
Intant il-President, Marie-Louise Coleiro Preca, rringrazzjat il-viżjoni taċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Richmond, Anthony Guillaumier, li tul dawn il-25 sena, wassal lill-Fondazzjoni fejn tinsab illum.
Spjegat kif din il-Fondazzjoni tinsab għaddejja b’ħidma kontinwa biex tneħħi l-istigma fuq il-mard mentali u tgħid lil persuni li jibżgħur jersqu ‘l quddiem.