Hemm min jgħidlek li l-liġijiet li daħħal dan il-Gvern huma ġennata sħiħa. Ġennata għax il-Gvern qed jintrabat b’mod iebes ħafna li l-operat tiegħu, il-mod kif jaħdem, ikunu ddedati minn sett ta’ regoli li huma impenjattivi.
Ħafna jgħidulek, iva kien hemm għalfejn li ndaħħlu jew biex ikun korrett, noqgħodu niddiskutu l-liġi tal-istandards fost l-oħrajn, wara 25 sena li fihom ma sar xejn? Kif se nitrabbtu b’liġi din it-tip propju aħna f’nofs leġislatura, mank tajna ċans li jintemm il-mandat, imbagħad bħal ma kien jiġri qabel, naraw x’jiġri wara.
Kien hemm bżonn il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti?, u jekk kien hemm verament bżonnha kif ma kienx hemm il-finanzjament mill-istat kif kien ippropona l-PN? Kif daħlet il-liġi tal-whistleblowers u t-tneħħija tal-preskrizzjoni? Għalfejn qed isir ir-riforma fil-lands? U l-aħħar iżda mhux l-inqas, għalfejn qed niftħu front ieħor mal-forzi konservattivi tal-pajjiż bit-tneħħija tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon, liġi li ilha fis-seħħ mill-1933 u d-dikriminilizazzjoni tal-pornografija, għajr dik estrema?
Biex nagħmlu hekk stajna ma biddilna xejn fl-aħħar elezzjoni. Stajna bqajna bl-istess nies, bl-istess regoli u bl-istess tradizzjonijiet u drawwiet. Stajna nibqgħu nħaddnu l-istatus quo, għax li ma tbiddilx jaf ikun komdu. Li ma tbiddilx ifisser li mhu ser tiġġieled ma ħadd forsi, li ma tbiddilx ifisser li mhux ħa toħloq realtajiet ġodda li ma tkunx drajt taħdem fihom. Iżda dan huwa l-mod ta’ kif jaħdem l-establishment, il-mod kif jaħdem politiku elite. Ifakkarni fl-Ancien Regime qabel ir-rivoluzzjoni Franċiża, fejn le Roi Solelil kien għaddej bil-bella vita, u dawk ta’ taħtu, aqta’ l-erbgħa ta’ madwaru, kulħadd b’ħalqu miftuħ beraħ jistenna li taqa’ ftit manna.
Mhux aktar safe politikament li tħalli l-affarijiet kif inhuma? Dan il-Gvern mhux hekk.
Għandu l-fiduċja tal-poplu biex ibiddel. Biex idawwar ir-rotta ta’ kif kienu sejrin l-affarijiet. Dan il-pajjiż diġa’ inbiddel u qed ikompli jinbidel. Mhux kollox ward u żgħar. Fadlilna x’nitgħallmu. Iżda filwaqt li ħaddieħor jitkellem fuq il-governanza u jieqaf hemm, dan il-Gvern qed jagħmilha fil-prattika. Qed isir ġustizzja wkoll. Ġustizzja ma min kellu d-dritt għaliha minn dejjem.
Kif nistgħu nibqgħu ma nħadnux il-prinċipji tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti? Jidhirli li fl-Ewropa konna l-Albanija u aħna biss l-uniċi pajjiżi mingħajr liġi hekk. Kif tista’ f’pajjiż fejn kollox huwa rregolat b’mod rigoruż, l-istituzzjonijiet politiċi mbgħad li lkoll nafu bis-saħħa tagħhom ma jkunux? Jista’ jkun hemm Gvern li jkun kreddibli li jdaħħal liġijiet rigorzi għas-setturi finanzjarji, bankarji etċ, iżda imbagħad ma jdaħħalx liġi li tiskrutinja l-Partiti?
Dan il-Gvern m’għamilx hekk. Mar kontra dak li l-establishment politiku li konna mdorrijin bih u li l-poplu warrab b’tant saħħa, u ħoloq kejl ġdid.
L-istess kif sar bl-introduzzjoni tal-liġi tal-whistleblower, li forsi nżammet milli tidħol biex forsi ma narawx propju dawk il-filmati tal-Qorti ta’ Għawdex b’mod regolari u t-tneħħija tal-preskrizzjoni li effetivament tfisser li sa mewt kull politiku ħadd mhu se jkollu ċ-ċans jizgiċċa kemm il-darba jkun wettaq il-korruzzjoni.
Liġi dwar l-istandards li se tfisser il-ħatra ta’ Kummissarju għall-istandards li fost ix-xogħolijiet tiegħu se jkun li jiskrutinizza l-imġieba ta’ membri Parlamentari, Ministri u Segretarji Parlamentari u impjegati f’pożizzjoni ta’ fiduċja flimkien ma’ Kumitat. Il-membri parlamentari ser jibdew jitħallsu skont l-attendenza u mhux min ġie ġie u qisu xejn mhu xejn filwaqt li flus il-poplu qishom bir bla qiegħ.
Bl-istess mod ir-riforma fil-lands fejn issa mhux se jkun il-Ministu li jiddeċiedi. Forsi kien ikun aktar faċli li nħallu l-affarijiet kif kienu jiġru bħal fi żmien Jason Azzopardi li jagħti l-garaxxijiet u l-imħażen bl-addoċċ permezz ta’ daqqa ta’ firma, li jkollu rapport sħiħ tal-Awditur Ġenerali u qisu xejn mhu xejn, sakemm ma jispiċċawx ukoll jippruvaw ineħħu l-Awditur fil-Parlament għax joħroġ rapport kontra kif sar fil-passat. Illum bil-wiċċ kollu, Jason Azzoaprdi ma jistħix iqum jitkellem fuq ir-riforma. Tipikament politiku elitista.
Anke fuq il-vilifikazzjoni, ikun hemm min jgħidlek kif dejjem il-Partit Laburista jrid ikun li jispiċċa jkollu xi jgħid mal-Knisja u l-forzi konservattivi. Isir hekk bl-ebda disprisett lejn ħadd, l-irwol tal-Knisja fl-opinjoni tiegħi kien u għadu importanti, iżda jekk il-Partit Laburista fil-Gvern ma jagħmilx hekk nibqgħu fejn aħna, pajjiż anakronist.
Faċli li titkellem fuq l-Ewropa, iżda l-Ewropa trid tagħmilha f’pajjiżek, u hawnhekk lanqas ifisser li ndaħħlu kollox, iżda dak li suppost ilu li daħal is-snin, il-bare minimum li ilu f’pajjiżi oħra ż-żmien.Indaħħluh lanqas għax ta’ bilfors, għax qiegħed fl-Ewropa, iżda b’konvinzjoni sħiħa li dan huwa l-pass li jmiss, għax għamilna wisq passi lura, u issa wasal iż-żmien li nimxu ‘il quddiem. Permezz ta’ hekk ingħataw in-nifs l-artisti. L-istess kif kien sar bis-satira waqt jiem il-Karnival. Iridu nitgħallmu ngħixu f’pajjiż fejn kulħadd jirrispeta lil kulħadd, li nħallu lok li wieħed jitkellem, li jesprimi lilu nnifsu. Dan huwa sintomu ta’ pajjiż li qed jinbidel. Din hija Malta, Maltija u Ewropea.
Li tbiddel mhux ġenn. It-tibdil ma jistax jitkejjel mal-gwadann jew in-nuqqas ta’ gwaddan. Dik zgur tkun l-ikbar telfa. Dak huwa l-ġenn.
Ritratt: DOI