Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ b’mod urġenti l-grupp parlamentari tiegħu ftit wara li f’intervista li xxandret fuq il-midja Nazzjonalista huwa qal li jagħti maħfra Presidenzjali lis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li se ssir laqgħa urġenti tal-grupp parlamentari fis-sitta ta’ filgħaxija wara l-iżviluppi fil-Qorti tas-Sibt, madankollu sorsi tagħna fil-Partit Nazzjonalista qalulna li Bernard Grech se jkun qed isejjaħ laqgħa urġenti mad-deputati tiegħu wara li ddikjara li hu jagħti l-proklami lil Vince Muscat, il-Koħħu u lil Yorgen Fenech.
Fi stqarrija għal din id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista qal li Bernard Grech huwa Kap immatur li ma jafx xi tfisser li tieħu deċiżjoni daqstant importanti għall-pajjiż.
Il-Partit Laburista saħaq li d-dikjarazzjoni ta’ Grech dwar temi sensittivi u ta’ importanza nazzjonali huma xhieda ta’ politikant cheap li minflok tassew jemmen fl-istituzzjonijiet, iħares lejhom biss bħala għodda li jistgħu jintużaw fit-taqbida tiegħu biex hu, u dawk li poġġewh Kap, jiksbu l-poter.
Il-Partit Laburista nnota li Bernard Grech qed jaqbad u jfajjar bl-addoċċ mingħajr ma jaf ebda dettalji.
“B’kuntrast, il-Prim Ministru jimxi mal-istituzzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet studjati fl-interess nazzjonali biex issir ġustizzja”, qal il-Partit Laburista.