Il-Kummissarju tal-Pulizija giddeb rapport fil-faċċata tan-Nazzjona tal-lum fejn intqal li fil-Programm Iswed fuq l-Abjad hu kkonferma li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jinsabu investigati.
Saħansitra kien irrapportat li ma eskludix li jkunu arrestati u jitressqu l-qorti.
“Ir-rapport f’In-Nazzjon tal-lum huwa biss interpretazzjoni skorretta tal-mod kif wieġeb il-Kummissarju tal-Pulizija.
Kif diġà kien intqal fl-24 ta’ Marzu, 2016, ma rriżulta ebda suspett raġonevoli li twettaq reat kriminali li jista’ jwassal għal investigazzjoni,” qal il-Kummissarju tal-Pulizija.
B’referenza għall-artiklu li kwota u li permezz tiegħu qal li ma jistax jitkellem, il-Kummissarju qal li l-ispirtu tal-Artiklu 112 tal-Att dwar il-Pulizija huwa sabiex ma jiġux diskussi każijiet speċifiċi fil-mezzi tax-xandir.
“Il-Korp tal-Pulizija għandu jitħalla jagħmel xogħolu b’serenità, mingħajr pressjoni żejda,” qal il-Kummissarju tal-Pulizija.