Il-President tar-Repubblika George Vella ħareġ reazzjoni skjetta dwar dikjarazzjonijiet li saru lbieraħ mill-grupp ta’ Manuel Delia. Għalkemm b’mod meqjus ħafna, il-President Vella ħass li kellu jiċċara affarijiet mhux minnhom li qal il-grupp ta’ Manuel Delia, Repubblika, fi stqarrija fejn attakkaw ukoll is-sehem tal-President Vella fir-riforma kostituzzjonali.
Il-grupp ta’ Manuel Delia qal li l-President Vella ma ta ebda reazzjoni għall-ideat tagħhom dwar ir-riforma kostituzzjonali.
Fi stqarrija, l-uffiċċju tal-President qal li din mhijiex il-verità. Dan għaliex meta fil-15 ta’ Marzu l-President irċieva xi dokument mill-grupp ta’ Delia rigward ir-Riforma Kostituzzjonali, huwa bagħat email lil Marion Pace Asciak sabiex jinfurmaha li hu kien għadu mhux fil-kariga. Iżda qal li lesta li jiltaqa’ magħhom ħalli jiddiskutu aktar dan is-suġġett meta jidħol fil-kariga.
Min-naħa tagħha Pace Asciak, irrispondiet lura b’email fi-18 ta’ Marzu. Hi qalet li l-grupp jħares ‘il quddiem biex jiddiskuti aktar mal-President Vella dwar din il-kwistjoni.
L-istqarrija mill-uffiċċju tal-President temmiet tgħid li l-President Vella dejjem lest li jiltaqa’ mar-rappreżentanti mis-soċjetà ċivili ladarba tkun saret talba formali.
Il-President għamilha ċara li l-grupp għandu dritt għall-opinjoni iżda mhux li jgħawweġ il-fatti.